Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulzija Angelo Gafà wera r-rieda u qed jieħu pass fid-direzzjoni t-tajba fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.
Qal dan l-editorjal ta’ The Malta Independent, hekk kif kellu kummenti pożittivi dwar kif il-korp tal-pulizija qed jikkomunika mal-midja taħt it-tmexxija ta’ Gafà.
L-Independent faħħret il-mod kif il-pulizija trattat l-każ ta’ Melvin Theuma tal-ġimgħa li għaddiet u f’inqas minn tnax-il siegħa wara li ddaħħal l-isptar, il-Kummissarju tal-Pulizija indirizza lill-ġurnalisti f’konferenza tal-aħbarijiet.
Ta’ kuljum il-pulizija qed toħroġ stqarrija b’aġġornament mediku dwar saħħet Theuma, sabiex tkun trasparenti mal-pubbliku.
“L-attitudni li ħa l-korp li jkun miftuħ mal-ġurnalisti, iżid aktar fiduċja u l-pubbliku jkun aktar infurmat dwar dak li jkun għaddej fil-korp u meta jinqala xi inċident l-pubbliku jkun infurmat”, qal l-editorjal.
L-editur tal-Independent innota wkoll li fejn il-pulizija qabel kienet tibgħat stqarrija meta jiġri xi inċident kbir, illum il-ġurnata fuq is-sit tal-inċident qed ikun hemm il-kelliem għal pulizija sabiex ikun jista jagħti d-dettalji lill-ġurnalisti.