L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech għadha bla pożizzjoni fuq il-liġi proposta għall-użu responsabbli tal-kannabis.
Dan anki jekk il-partiti politiċi l-oħra u anki diversi entitajiet ressqu l-fehmiet tagħhom fil-perjodu li kienet miftuħa l-konsultazzjoni pubblika.
Fuq ix-xandir nazzjonali, id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg inqabdet fuq sieq waħda meta kienet mistoqsija għad-dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar il-fehmiet tiegħu għall-White Paper li ħareġ il-Gvern.
Il-kandidat Laburista Dr Jonathan Attard spjega l-pożizzjoni tal-Partit Laburista, li qed iħares lejn il-legalizazzjoni tal-kannabis, lil hinn minn sempliċi dekriminalizzazzjoni.
Il-Partit Laburista qed isejjaħ ukoll għal qafas legali apposta dwar ix-xiri taż-żerriegħa tal-kannabis minn sorsi liċenzjati, u li jista’ jkun sorveljat minn awtorità apposta li tassigura l-kwalità tal-prodott.
Iżda meta l-Partit Nazzjonalista kien mistoqsi dwar minn fejn persuna tista’ takkwista ż-żerriegħa tal-kannabis b’mod legali flok tmiss mal-kriminalità, reġgħet ħarġet l-indeċiżjoni tal-Oppożizzjoni.
Fil-programm Dr Jonathan Attard saħaq li l-legalizazzjoni tal-kannabis tkompli tisħaq fuq il-punt li min jikkonsma l-kannabis mhuwiex kriminal.