Hemm bżonn ta’ bidla fil-liġi li tirregola t-testijiet tal-Breathalyzers mill-Pulizija. Din hija l-fehma tal-Malta Insurance Association li qed tisħaq li kull darba li jsir inċident serju tat-traffiku, b’mod mandatorju għandu jsir breathalyzer test. Dan għaliex mhux l-ewwel darba li mingħajr dan it-test ikun hemm nuqqas ta’ provi li jistgħu jigħinu lill-pulizija biex jipproċedu.
Iktar minn hekk, l-assocjazzjoni qed titlob li dan it-test isir ukoll b’ mod każwali, iġifieri mingħajr il-bżonn li jkun hemm suspett ta’ sewwieq li qed isuq taħt l-influenza tal-alkohol jew sustanzi oħra.
Il-Malta Insurance Association qed tipproponi wkoll pieni li joħolqu iktar deterrent fost is-sewwieqa u kif ukoll l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ punti għas-sewwieqa kollha u mhux biss dawk is-sewwieqa ġodda.
L-assoċjazzjoni uriet ukoll tħassib għan-nuqqas t’ għarfien aġġornat fit-tiswija tal-karozzi u l-użu ta’ prattiċi antikwati jew żbaljati kif ukoll n-nuqqas ta’ għodod speċjalizzati ta’ dawk li jsewwu l-karozzi li jistgħu jikkompromettu s-sistemi ta’ sigurta li vettura tkun mogħnija bihom biex jipproteġu lis-sewwieq u l-passiggier.