Miżuri effettivi li ntroduċiet il-kumpanija ta’ trasport pubbliku f’pajjiżna fl-aħħar snin, kienu kruċjali biex mill-elfejn u sittax ’l hawn, l-inċidenti bil-karozzi tal-linja, naqsu bin-nofs.
Minkejja li l-pandemija kienet fattur fit-tnaqqis tal-inċidenti matul is-sena li għaddiet, hekk kif l-attività naqset bħalma naqsu l-karozzi fit-toroq, il-kumpanija rnexxielha tnaqqas in-numru ta’ inċidenti kkawżati mill-impjegati b’rata akbar fl-elfejn u għoxrin.
Fi stqarrija, il-Malta Public Transport ħabbret li riżultat ta’ dawn is-suċċessi, il-kumpanija kisbet ċertifikat għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards.
Dan iċ-ċertifikat jirrifletti l-kriterji internazzjonali stretti milħuqa mill-operatur tat-traport kif ukoll l-investiment li sar fi prattiċi tajbin biex ikunu protetti l-impjegati u l-passiġġiera.
L-istqarrija elenkat l-isforzi li qed isiru mill-kumpanija biex tanalizza r-riskji, twettaq spezzjonijiet regolari, u toffri programmi ta’ taħriġ kontinwu li jtejbu l-ħiliet tax-xufiera.
Iċ-ċertifikazzjoni għas-saħħa u s-sigurtà kien akkreditat wara proċess rigoruż ta’ verifika indipendenti, u jingħaqad ma’ ċertifikat ieħor minn din l-Organizzazzjoni Internazzjonali għal Malta Public Transport, li diġà kienet kisbet l-istandard dinji għall-kwalità.