Flixkun inbid tixtrih f’radda ta’ salib. Madankollu, biex il-konsumatur ipaxxi l-palat bit-togħma ta’ fost l-ifjen inbejjed, li kapaċi nipproduċu f’pajjiżna u li huma rikonoxxuti internazzjonalment, teħtieġ produzzjoni ta’ stoffa qabel ma l-prodott joħroġ fis-suq.
Fost l-oħrajn, b’mod ġenerali, l-għeneb għall-għasir jinqata’ bejn Awwissu u Settembru, jew kif inhi magħruf aħjar bħala l-vendemja – iż-żmien li fih jibda l-ħsad tal-għeneb.
Fost l-imħuħ wara l-produzzjoni tal-għeneb fi xtutna nsibu lil Giovanni Fenech mill-Mosta, li fi kliemu stess ilu minn ġuf ommu bidwi.
Fl-għalqa tiegħu fiż-Żokrija, taħt xemx taqli l-ankri, Giovanni kien qiegħed jaħsad dak li żera’ bil-għan li jwitti triq għall-produzzjoni tal-inbid.
Lil hinn mill-qtugħ tal-għeneb f’dan iż-żmien tas-sena, Giovanni spjega li l-ħidma fir-raba’ ma tonqos qatt, għax biex id-dwieli jagħmlu għeneb ta’ kwalità dak li jkun irid jaħrat, ibexx kontra l-moffa, jiżbor u jsaqqi ta’ spiss, fost l-oħrajn.
Giovanni Fenech qal “Fil-perjodu tbixx, tagħti l-kubrit xott, jiġifieri l-ħin kollu għaddej. Kemm tieħu ħsiebhom, jieħdu ħsiebhom huma. Tagħtihom il-fertilizer, tagħtihom id-demel u x’ħin jasal l-istaġun tiċċekkja kemm fihom zokkor.”
Ma’ Giovanni tkellimna wkoll dwar l-isfidi kbar li l-bidwi jiffaċċja llum il-ġurnata.
Hawn spjegalna li fil-biedja trid tiffaċċja l-elementi kollha ma’ wiċċek kontinwament biex il-prodott ikun wieħed mill-aqwa.
Fl-isfond tal-mewġa ta’ sħana, li kellna fl-aħħar ġimgħat, u l-fatt li x-xita ġiet irreġistrata tard fir-rebbiegħa u kompliet kemm kemm f’Ġunju, Giovanni qal li dan wassal għal moffa fl-għeneb ta’ Malta.
Din ħolqot ħsara kbira u li kawża t’hekk kien hemm għadd kbir ta’ bdiewa li kellhom jarmu l-għeneb li ħadmu tant għalih.
Giovanni Fenech qal “Dawk id-dwieli, li ngħidulhom aħna ta’ Malta, bħall-Girgentina, u li jkunu baxxi mal-art, dak it-temp ma tantx għenhom. Dan minħabba li l-art tixxarrab, jixxarrbu huma u jsiru umdużi u titla’ l-moffa.”
F’dan ir-rigward, diversi bdiewa mxew mal-linji gwida tal-Integrated Pest Management maħruġa mid-Direttorat tal-Agrikoltura, u allura rnexxielhom jikkontrollaw dan it-tip ta’ mard b’mod effettiv.
F’dan l-isfond, Giovanni saħaq li l-prodott tal-bidwi għandu jiġi vvalutat b’mod aktar xieraq, għax qal li sikwit il-bidwi jaqla’ l-inqas, minkejja l-ħidma sfieqa li jagħmel lejl u nhar.
U b’dan l-aħħar appell ħallejna lil Giovanni jkompli l-ħidma biex, frott il-bżulija tiegħu u bdiewa bħalu Maltin u Għawdxin, inkunu nistgħu ngawdu nbejjed ta’ kwalità li huma wkoll rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea. Dawn ikomplu jsaħħu l-importanza tas-settur agrikolu lokali u lil hinn.