Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun flimkien mal-Għaqda Għassara tal-Inbid se jkunu qed jorganizzaw kors ‘Kif Tagħmel l-Inbid?’. Dan il-kors bażiku bla ħlas se jkun qed isir fuq tlett darbiet it-Tnejn 21, 28 ta’ Mejju u 4 ta’ Ġunju, 2018 bejn is-6:00 p.m. u s-7:30 p.m. fis-Sala tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, Triq Sant’ Anġlu, iż-Żejtun.
Matul dawn it-tlett laqgħat dawk li se jattendu se jkunu qed jitgħallmu dwar l-apparat u l-ingredjenti li għandek bżonn biex tagħmel l-inbid; Kif tagħraf għeneb tajjeb għall-għasir; Il-ħmira naturali mqabbla mal-ħmira tal-pakkett; L-istadji differenti tal-proċess biex tagħmel l-inbid: it-tagħsir tal-għeneb, għaliex l-inbid ma jibqax ibaqbaq, u għaliex tagħmel it-taqlib (racking); L-importanza tal-indafa; L-użu tal-idrometru; Kif taħżen l-inbid, kif jimmatura u kif jiġi bbottiljat.
Il-kors hu miftuħ għal kulħadd minn Malta kollha. Dan il-kors huwa miftuħ ukoll għal dawk li qatt m’għamlu inbid u jixtiequ jkunu jafu l-proċess kif isir.
Bħala rikonoxximent se jkun qed jingħata ċertifikat ta’ attendenza lil dawk li jkunu attendew it-tlett ġranet li huma tal-kors.
Il-postijiet huma limitati. Għaldaqstant biex tirreġistra għal dan il-kors ċempel fuq 99 203 815 jew 21 663 866 jew ibgħat posta elettronika fuq chircop.sean@gmail.com sa mhux aktar tard mis-Sibt, 19 ta’ Mejju, 2018.
Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jkun qed jorganizza wkoll kompetizzjoni tal-inbid f’tlett kategoriji inbid abjad, aħmar, u rosè, il-Ħamis 5 ta’ Lulju, 2018. Kull parteċipazzjoni hi bla ħlas.
Opportunità mill-isbaħ li se tkun qed titgħallem kif tipproduċi u ttejjeb l-inbid, u nsaħħu l-prodott Malti.