Nhar is-Sibt, 3 ta’ Marzu 2018, ser tiġi inawgurata mill-ġdid l-istatwa devota ta’ Ġesù Redentur, fil-Bażilika tal-Isla, wara x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li sar.
L-inawgurazzjoni, li tibda fil-5:30 p.m., ser tinkludi preżentazzjoni tax-xogħol li sar matul l-aħħar disa’ xhur ta’ ħidma intensiva. Dan wara li l-Parroċċa ta’ Marija Bambina kkummissjonat numru ta’ studji xjentifiċi sabiex isir ir-restawr u l-konservazzjoni tal-istatwa li beda f’Mejju tas-sena li għaddiet.
Bħalissa qed issir l-aħħar fażi tal-istudju fuq in-niċċa. Matul ir-Randan kollu l-istatwa ser tkun għall-qima u d-devozzjoni tal-pubbliku fil-Bażilika talIsla. Il-Ġimgħa, 9 ta’ Marzu, fis-6 p.m., l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser imexxi l-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur u wara jiċċelebra Quddiesa fil-Bażilika stess.
Wara l-Ġimgħa Mqaddsa ser isir trattament ta’ anoxia fuq din x-xbieha. Għalhekk, matul ix-xahar ta’ April, ir-Redentur mhux ser ikun espost għall-qima tal-pubbliku.
B’rabta mal-proċess kollu ta’ restawr li qed isir fuq din l-istatwa ta’ Ġesù Redentur, fil-ġimgħat li ġejjin ser jiġi ppubblikat il-ktieb bit-titlu Ir-Redentur: History, Art, and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea. Il-ktieb ser jinkludi wkoll dokumentazzjoni storika marbuta mal-istatwa fil-kuntest tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Isla.