In-numru ta’ mwiet minħabba l-COVID-19 fl-Indja qabeż it-tliet mitt elf, fi żmien meta l-pajjiż għadu jissielet sew mal-pandemija.
L-esperti qegħdin iwissu li n-numru ta’ mwiet aktarx huwa ferm iktar għoli minħabba li ħafna każijiet mhumhiex irreġistrati b’mod uffiċjali.
Fl-Indja ġew irreġistrati aktar minn sitta u għoxrin miljun każ, u bħalissa hija l-epiċentru tal-pandemija fid-dinja.
Dan il-pajjiż Ażjatiku huwa t-tielet fid-dinja li rreġistra aktar minn tliet mitt elf mewt, wara l-Istati Uniti u l-Brażil.
L-aħħar mitt elf fatalità ġew irreġistrati f’inqas minn xahar.
Il-mewġa ta’ infezzjonijiet ta’ bħalissa fl-Indja wasslet biex is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż ikkrollat u l-isptarijiet qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-influss ta’ pazjenti li għandhom bżonn il-kura.