Il-Kunsill tal-MCESD ġie mistieden fi Brussell, mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, biex jiltaqa’ ma’ entitajiet rilevanti li jikkumplimentaw il-ħidma tal-Kunsill.
Din iż-żjara ġiet ippjanata b’mod speċifiku għall-imsieħba soċjali Maltin biex jiddiskutu suġġetti importanti flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.
L-imsieħba soċjali pparteċipaw b’mod attiv fid-diskussjonijiet fejn qiesu li kemm it-tħassib u l-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem ikunu espressi u diskussi. Huma tkellmu favur kompetizzjoni ġusta, l-innovazzjoni, u l-benefiċċju tal-konsumatur.
L-imsieħba soċjali kisbu għarfien siewi dwar il-politiki tal-kompetizzjoni, il-patt ekoloġiku, is-semestru u l-fondi tal-UE, id-diġitalizzazzjoni u l-inklussività. id-diskussjonijiet kienu ta’ ġid għall-imsieħba soċjali biex ikomplu joffru l-aqwa rakkomandazzjonijiet lill-Gvern Malti, għal ekonomija aktar sostenibbli u reżiljenti b’futur iktar sensittiv għall-klima.
Il-Kunsill tal-MCESD iltaqa’ wkoll mas-Sur Antoine Kasel, il-Kap tal-Kabinett tal-Kummissarju Nicholas Schmit, fejn iddiskutew l-impjiegi u d-drittijiet soċjali, kif ukoll mar-rappreżentanti għolja u l-ħaddiema ta’ Dar Malta. Hawnhekk, l-MCESD apprezza l-impenn tar-Rappreżentanza li tassisti u tikkollabora bi sħieħ mal-Imsieħba Soċjali Maltin.
Mistiedna wkoll għal diskussjonijiet fl-uffiċċini prinċipali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-KESE, l-MCESD enfasizza l-irwol kruċjali tal-UE li għandha tiggwida sew lill-Istati Membri tagħha bl-isfidi li għaddejjin bħalissa u dwar dawk li mistennija naffaċċjaw fil-futur.
Iż-żjara tal-Kunsill tal-MCESD fi Brussell, organizzata mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, kienet ta’ opportunità unika għall-imsieħba soċjali Maltin biex jesprimu l-perspettivi tagħhom u jiksbu għarfien dirett patikolarment f’oqsma ekonomiċi u soċjali.