Il-budget għall-2020 intlaqa’ tajjeb ħafna minn diversi msieħba soċjali, u kollha kkummentaw pożittiv dwar il-miżuri mħabbra li se jkomplu jinċentivaw s-suq tax-xogħol.
Bla dubju li l-qasam tal-ambjent, li din is-sena ngħata importanza bla preċedent fosthom b’35 miżura konkreta ġibed l-attenzjoni wkoll tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi. L-MDA laqgħet ukoll bosta miżuri bħall-estensjoni tal-iskema tal-first time buyers bl-eżenzjoni tat-taxxa tal-boll se tiżdied minn €150,000 sa €175,000 li minnha se jiffrankaw €6,500.
Michael Stivala mill-MDA spjega “L-MDA tinsab sodisfatta b’dal-budget. Ħafna mill-proposti li għamilna ntlaqgħu u proposti oħra li kienu ingħatawlna s-snin ta’ qabel ġew kollha estiżi u nħossuh li hu budget li ħa jkompli jkabbar l-ekonomija.”
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb apprezza l-fatt li l-Gvern laqa’ ħafna mill-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ u jinsabu fil-budget għas-sena d-dieħla.
David Xuereb mill-Kamra tal-Kummerċ sostna: “Ma nħossux li kien hemm sospriżi. Nieħdu pjaċir ninnutaw li m’hemm taxxi ġodda fuq il-businesses. Nirrikonoxxu wkoll li għall-ewwel darba qed nieħdu passi serji lejn strutturi lejn pajjiż li għandu l-carbon footprint tiegħu baxx.”
Fl-isfond ta’ ritmu ekonomiku b’saħħtu, il-President tal-GRTU Paul Abela ddeskriva l-budget għall-2020 bħala pożittiv, b’mod partikolari l-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa tas-sahra.
“Dik tal-100 siegħa li l-impjegat iħallas 15% tolqotna tajjeb għax min għandu l-impjegati miegħu, is-soltu meta ma kienx hemm dil-miżura imur jagħmillek part-time ma’ xi ħaddieħor, u hekk jista’ jibqa’ jaħdem miegħek u jekk taf li għandu bżonn il-ħaddiema, jekk ikollok ħaddiema tiegħek lesti biex jagħmlu iktar overtime, inti tista’ taqdi n-negozju tiegħek”, qal Paul Abela mill-GRTU.
Din il-miżura ntlaqgħet tajjeb ukoll mill-President tal-FORUM, Marco Bonnici, li tkellem ukoll dwar iż-żieda ta’ ġurnata oħra ta’ leave għall-ħaddiema.
Mario Bonnici mill-FORUM qal“Il-kwistjoni tal-ġurnata tal-btajjel li jaħbtu fil-weekend hija importanti li l-Gvern żamm il-kelma tiegħu, it-tielet sena konsekuttiva u hija xi ħaġa importanti għax sa mill-bidu għedna konna kritikajna dik il-miżura li kienet ittieħdet minn ħalq il-ħaddiema.”
Din il-miżura ma ntlaqgħetx bl-istess mod mill-MHRA, bil-President Tony Zahra jinsisti li diġà hemm ħafna leave.
Minkejja dan, il-Gvern dejjem ta priorità l-ħin ta’ kwalità mal-familja, u għaldaqstant sena wara l-oħra wettaq din il-wegħda elettorali.
Tony Zahra mill-MHRA stqarr “Il-budget huwa wieħed soċjali, jieħu ħsieb lin-nies li għandhom l-aktar bżonn, żied ġurnata leave. Ma nistax ngħid li aħna kuntenti li żied ġurnata leave għax diġà hemm ħafna leave u allura jidhrilna li ma kienx hemm bżonn li tiżdied din il-ġurnata pero napprezzaw li din kienet wegħda politika allura trid tiġi attwata.”
L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem laqgħet il-budget għas-sena d-dieħla, u d-Direttur Ġenerali Joseph Farrugia nnota li ġie ppreżentat f’sitwazzjoni meta pajjiżna qed igawdi minn stabilità makro-ekonomika b’saħħitha, livelli ta’ qgħad u inflazzjoni baxxi, u tkabbir ekonomiku pożittiv ħafna.
Laqa’ b’mod partikolari l-miżuri ambjentali, li fi kliemu għal uħud jaf jidhru żgħar, imma li kollettivament jistgħu jħallu impatt pożittiv li jmur lilhinn. Bħala eżempju ta l-miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku.
Joseph Farrugia mill-MEA spjega li “Inti ħa jkollok ħaddiem li ħa jiġi x-xogħol li mhux ħa jiġi x-xogħol bin-nervi għax ilu siegħa mwaħħal fit-traffiku imma għax wasal aktar malajr. Jekk inti għandek ambjent barra li huwa isbaħ, u għalhekk il-pubbliku llum huwa konċernat ħafna miċ-challenges ambjentali, għandna sfida li n-nies qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla, dawn huma affarijiet li rridu nilqgħu għalihom u nħarsu fit-tul.”