L-imsieħba soċjali laqgħu t-tnaqqis gradwali tal-Covid Wage Supplement, dak magħruf bħala tapering, u jkomplu jiġu mgħejjuna n-negozji.
Dan il-qbil intlaħaq waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
Dan ifisser li l-aktar kumpaniji milquta, li għandhom impatt ta’ ħamsa u ħamsin fil-mija jew iżjed minħabba l-pandemija se jibqgħu jirċievu s-suppliment sħiħ tal-paga sal-aħħar tas-sena.
Hawnhekk, l-imsieħba soċjali qablu li l-wage supplement se jibqa’ jingħata sal-aħħar ta’ din is-sena għall-kumpaniji kollha.
Qablu wkoll li mix-xahar id-dieħel, se jibda t-tnaqqis gradwali tal-benefiċċju skont l-impatt fuq id-dħul tal-kumpanija.
Dan se jkun maqsum fuq żewġ fażijiet, bl-ewwel fażi se tibda f’Awwissu waqt li t-tieni fażi se tibda minn Ottubru.
F’din il-laqgħa kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli, li qalet kif barra din l-għajnuna, in-negozji permezz tal-Malta Enterprise se jgawdu mill-appoġġ finanzjarju għall-kirja u d-dawl u anke mill-iskema tal-vouchers.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal kif waqt il-pandemija, sebgħa u għoxrin elf impjieg ġew salvati permezz tal-bidla fil-liġi dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi.
Dan wassal biex min iħaddem ikun jista’ jbiddel b’mod temporanju l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu.
Dwar dan it-tnaqqis gradwali, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, li qal kif in-negozji li bdew idawru r-rota xorta għandhom is-serħan il-moħħ tal-għajnuna.
Qal, “Allura l-ħsieb f’dan il-mument mhux li titfi l-iswitch, imma li bil-mod il-mod tmur lejn sitwazzjoni fejn dak li jkun ħa jibqa’ jirċievi assistenza sal-aħħar tas-sena, allura jfisser serħan il-moħħ imma jaf li n-negozju beda jiċċaqlaq imma issa jfisser li rridu nibdew innaqsu assistenza li ma tistax tibqa’ għal dejjem.”
Waqt pandemija globali, il-Gvern investa nofs biljun ewro fil-miżura tal-Wage Supplement u għen ‘il fuq minn sbatax-il elf kumpanija privata, li jfisser li għen 100,000 familja Maltija u Għawdxija.