Il-proposta ta’ Gvern Laburista ġdid, dik li l-familji, il-ħaddiema u negozji se jkollhom tnaqqis fit-taxxa tagħhom intlaqgħet tajjeb mill-imsieħba soċjali.
Dan hekk kif Gvern ġdid immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jagħmel l-akbar żieda fit-twessigħ fit-tax bands.
Sigħat wara li ngħataw iżjed dettalji dwar din il-miżura mill-Prim Ministru Robert Abela, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Agius Mamo.
Hija fissret kif it-tnaqqis fit-taxxa korporativa se tkun qed tgħin lin-negozji.
Qalet, “Nilqugħa tajjeb ħafna. Hija proposta tanġibbli, li żġur ħa tagħmel differenza kbira. Oriġinarjament fil-budget li għadda konna proponejna xi ħaġa simili ħafna lill-Prim Ministru, biex it-tax bands jiġu mwessgħa, ħalli dawk li jaqgħu taħt it-25%, tiġi mwessgħa sa €100,000 u din għaldaqstant hija proposta, li ġiet imħabbra llum, terġa’ hija aggressiva minn dik li konna proponejna aħna għax tkopri sa €250,000, jiġifieri hija tajba mmens għal businesses.”
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji saħqet kif din il-miżura hija importanti wara l-isfida tal-pandemija, li se tgħin in-negozji jinvestu aktar f’pajjiżna.
Spjegat, “Jiġifieri żġur ħa tagħti enerġija ġdida lin-negozji, żġur ħa ttihom ħafna kuraġġ wara sentejn mill-pandemija, wieħed ikun beda jgħejja, imma din ħa tagħti dik l-injection tajba ħafna fin-negozju, biex huma jkunu jistgħu jqumu fuq saqajhom aktar malajr u nerġgħu naraw l-ekonomija tirkupra.”
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia qal kif il-proposti mressqa mill-Partit Laburista se jgħinu kemm in-negozji u anki l-ħaddiema, permezz taż-żieda fir-rifuzjoni tat-taxxa.
Qal, “Fihom infushom, mingħajr dubju, dawn huma miżuri tajbin għaliex kulħadd jieħu gost iħallas inqas taxxa u allura huma miżuri li huma attraenti għal min se jintlaqat bihom, f’dan il-każ in-negozji, li qed jgħid li t-taxxa se tinżel minn 35% għal 25% u wkoll revizjoni fit-tax bands, li ħa jaffettwaw ħafna ħaddiema.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja qal kif dawn il-miżuri se jħallu aktar flus fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin, dan filwaqt li l-ekonomija se tkompli tikber.
Qal, “Il-flus ħafna minnhom jintefqu direttament fl-ekonomija tagħna, billi xi ħadd joħroġ jew jagħmel xi refurbishment fid-djar tiegħu jew jirranġa xi affarijiet. Hawnhekk qed nitkellem li ġenituri ħa jkollhom €2,000 fil-but iżjed milli kellhom is-sena li għaddiet fuq perjodu ta’ ħames snin, għal kull sena. Jiġifieri l-futur huwa li inti jiżdiedulhek il-flus fil-but, biex ikollhok aktar x’tonfoq.”