L-imsieħba soċjali laqgħu b’mod pożittiv il-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħaxija.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-lukandiera u tas-sidien tar-ristoranti, l-MHRA fissret il-miżuri l-ġodda bħala tama ġdida għall-futur. Il-President tal-MHRA, Tony Zahra esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dawn il-miżuri se jgħinu l-qasam turistiku jgħaddi minn dan il-maltemp li ġie mill-pandemija tal-coronavirus.
Is-Sur Zahra rringrazzja lill-Prim Ministru tax-xogħol u d-dedikazzjoni li wera fl-aħħar jiem biex intlaħaq ftehim. L-MHRA qalet li tinsab fiduċjuża li l-investiment fil-qasam turistiku se jgħinna naqtgħu l-frott meta jiġi ż-żmien li l-ekonomija Maltija terġa’ taqbad ir-ritmu.
Il-Kamra tal-intrapriżi ż-żgħar u medji laqgħet ukoll b’mod pożittivi l-miżuri tal-Gvern li se jgħin lin-negozji. “Dan kien pass li se jagħti n-nifs lin-negozji li tant jeħtieġu għajnuna biex iżommu l-ħaddiema magħhom”, spjegat il-GRTU.
L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu wkoll kellha kliem ta’ tifħir għall-miżuri mħabbra mill-Gvern. Fissret kif dawn il-miżuri pożittivi se jżommu l-impjegati fin-negozji Għawdxin. “L-inċentivi li tħabbru jieħdu inkunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tan-negozji Għawdxin”, spjegat il-GTA. Qalet li dan kien pass li juri li meta l-partijiet kollha involuti jingħaqdu, riżultati importanti jinkisbu għal ġid ta’ kulħadd.