Sentiment ferm pożittiv min-naħa tal-Korpi Kostitwiti Maltin u Għawdxin għall-inċentivi li ħabbar il-Gvern b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro sabiex ikompli jgħin lin-negozji u jsaħħaħ lill-ħaddiema f’pandemija.
Fuq il-programm Follow Up imxandar fuq dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo qalet li dawn l-inċentivi mhux biss jaħsbu għall-preżent iżda wkoll hemm pjan konkret għal meta tgħaddi il-pandemija.
Qalet, “Sett ta’ inċentivi li mhux sempliċi, hemm ċertu kumplessità li mhux dawk li ħa jkunu qed jagħtu sostenn temporanju, sostenn ta’ bħalissa sakemm jibdew ir-riġenerazzjoni n-negozji, però qegħdin iwassluhom anke ‘l bogħod minn hekk iġifieri hemm pjan li xi ħaġa li aħna ilna niddiskutu mal-Gvern.”
Reazzjoni pożittiva oħra kienet min-naħa tal-Assoċjazzjoni għal-Lukandiera u r-Ristoranti, l-MHRA, fejn din faħħret bis-sħiħ l-estensjoni ta’ inċentivi ġa eżistenti, it-tibdil ta’ oħrajn u t-tnedija ta’ inċentivi ġodda li se jgħinu lil-lukandi u r-ristoranti kemm b’mod dirett u anke b’mod indirett.
Dan sabiex dawn in-negozji jkunu jistgħu jippreparaw irwieħom għall-istaġun tas-sajf.
Fuq ONE il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb innotat kif dawn l-inċentivi se jkomplu jgħinu lin-negozji jixprunaw il-ġid f’pajjiżna.
Spjegat, “Sodisfatti ħafna li dawn il-miżuri jidher li qegħdin jgħinu lin-negozji tagħna biex ikunu huma li jixprunaw il-futur ekonomiku tal-pajjiż. Naħseb importani li ma ninsewx li n-negozji huma dawk li jixprunaw l-ekonomija tagħna u li jikkreaw il-ġid.”
Il-Korpi Kostitwiti Għawdxin ukoll laqgħu dawn l-inizjattivi, bil-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Daniel Borg jgħidilna kif permezz ta’ dan f’Għawdex mistennija jinħolqu aktar niċeċ ġodda.
Qal, “L-iskemi hemm ċertu pożittività li minħabba l-fatt li għandek skema minnhom li titratta propju l-istrutturar u s-support and sustainable investment scheme u hemmek se jkun hemm inċentiv iktra treshold ikbar u ta’ sapport li kumpaniji li jagħmlu investiment f’Għawdex.”
Intant kienet biss l-Oppożizzjoni li iżolata waħidha, għażlet li tmaqdar il-pakkett t’għajnuna ieħor li ta l-Gvern.
Fil-fatt b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, li qalet li l-għajnuna tal-Gvern hija farka fejn id-daqqa li sofrew in-negozji, il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech huwa vuċi iżolata fin-negattività.
Il-Partit Laburista nnota kif fil-fatt, l-imsieħba soċjali laqgħu b’mod pożittiv l-għajnuna li ta l-Gvern iżda l-Partit Nazzjonalista ma rreżistix li jkun negattiv.