Il-Gvern jibqa’ kommess li jevalwa mezzi kif isaħħaħ l-kumpens għall-għoli tal-ħajja biex kulħadd jgħix is-suċċess ekonomiku tal-pajjiż waqt li jitjieb il-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Dan intqal fil-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li llum tratta l-għoli tal-ħajja u s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol.
Fl-intervent tiegħu is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li filwaqt li lkoll, bħala Gvern u imsieħba soċjali, nirrapreżentaw setturi differenti, l-aspirazzjonijiet, l-isfidi u l-futur ta’ pajjiżna huma dawk li jgħaqduna flimkien. “Hu għalhekk li nifhem li l-imsieħba soċjali kollha jaqblu dwar il-ħtieġa li l-Gvern jimplimenta l-programm elettorali tiegħu, u li nagħmlu lil pajjiżna ‘future proof’ fil-kuntest t’ekonomija suxxettibbli għal impatt dirett minn dak li jseħħ lil hinn minn xtutna f’dinja globalizzata. Dan kollu biex naċċertaw li ħadd ma jaqa lura”, qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Hu f’dan il-kuntest li l-enfasi fil-baġit li ġej se jkun li nkomplu bir-riformi strutturali li se jissalvagwardjaw lill-familji u n-negozji minn xokkijiet fl-ekonomija internazzjonali, li naċċertaw li l-mekkaniżmi li fassalna flimkien biex jilqgħu għal sfidi ġodda għadhom b’saħħithom, u l-ġid li qed noħolqu qed jasal għand kulħadd, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-isfidi ma jibdewx u ma jispiċċawx mal-baġit li jmiss, u li d-dinjità tal-ħaddiema mhux dejjem titkejjel bid-dħul finanzjarju. F’dan ir-rigward saħaq li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja m’għandux jitqies f’iżolament, iżda fil-kuntest tal-politika tal-Gvern li jippremja l-bżulija, jinċentiva l-mobiltà soċjali u jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali permezz t’ugwaljanza għal kulħadd u f’kull aspett tal-ħajja.
Għaldaqstant, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu li jixpruna djalogu soċjali kostruttiv fuq miżuri kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u lil hinn.