Hekk kif nhar l-Erbgħa nħatar it-tlieta u għoxrin Kabinett fl-istorja ta’ Malta, li huwa wkoll l-aktar kabinett żagħżugħ fl-istorja ta’ pajjiżna, l-imsieħba soċjali awguraw lill-membri tal-kabinett.
Fost l-oħrajn il-Union Maltija tal-Għalliema, l-MUT awgurat lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.
L-MUT laqgħet il-konferma mill-ġdid tal-Ministru Clifton Grima bħala Ministru responsabbli mis-settur edukattiv u sostniet kif tħares ‘il quddiem biex il-ħidma li kienet qed issir mal-Ministru Grima tkompli, għall-ġid tal-edukaturi, l-istudenti u l-ħaddiema kollha fis-settur edukattiv.
Intant l-Assoċjazzjoni Maltija għas-Sidien tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, awgurat lill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, stqarr li l-assoċjazzjoni tħares ‘il quddiem sabiex ir-relazzjoni bejnha u l-Ministru tkompli tkun waħda kostruttiva.
Huwa nnota kif l-industrija tat-turiżmu għaddiet minn sfidi bla preċedent f’dawn l-aħħar snin, fosthom il-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, iżda sostna kif dawn jagħtu opportunità sabiex is-settur ikun aktar kreattiv u jaħdem aktar id f’id mal-Gvern.