L-imsieħba soċjali esprimew reazzjonijiet pożittivi għall-viżjoni ekonomika 2021-2031 għal konsultazzjoni nazzjonali u jqisuha bħala pass importanti għall-bini ta’ futur ħolistiku fit-tul ta’ pajjiżna.
Huma esprimew sodisfazzjon għal din il-konsultazzjoni pubblika u jħarsu ’l quddiem sabiex joffru l-kontribut tagħhom tul il-proċess ta’ konsultazzjoni, iżda b’mod iktar kruċjali, waqt l-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni.
F’laqgħa virtwali tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, fil-preżenza tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, ta preżentazzjoni dettaljata tal-ħsieb wara l-viżjoni strateġika lir-rappreżentati tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem fi ħdan l-MCESD.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li din il-viżjoni ekonomika tfisser tiġdid fis-suq tax-xogħol u saħaq li għalhekk irid ikun hemm il-mekkaniżmi kollha disponibbli li jaħdmu u jassiguraw aċċess għall-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.
Għaldaqstant, il-Gvern ser ikompli jippromwovi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ħaddiem u l-edukazzjoni adattata għas-suq tax-xogħol tal-futur; bil-għan li persuna li taħdem 40 siegħa fil-ġimgħa tkun tista’ tgħix komda u tibni familja.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li din hija viżjoni minn kulħadd għal kulħadd. Din tista’ ssir realtà jekk il-pajjiż kollu jkun involut f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali billi jikkomunikaw l-ideat, fehmiet kif ukoll kritika kostruttiva.
Qal li l-MCESD hi l-iżjed forum konsultattiv b’saħħtu fil-pajjiż u li għalhekk il-gvern f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni li ser iwassal sal-aħħar tax-xahar id-dieħel, beda minn dawn il-membri għax jemmen li għandhom ħafna x’joffru f’isem il-ħaddiema u n-negozji li jirrappreżentaw.
Semma li dan huwa gvern għan-nies u l-għan tal-viżjoni hija li nassiguraw il-benesseri tal-familji Maltin u Għawdxin. Huwa u jispjega l-ħsieb tal-pjan strateġiku, il-ministru semma li fl-aħħar snin pajjiżna kiber b’mod b’saħħtu u għadda minn trasformazzjoni ekonomika li wasslet għal ekonomija bbażata fuq is-servizzi bħal dak finanzjarju, tal-gaming u tal-ICT li jinkludi l-AI, IOT, Big Data. Waqt pandemija, pajjiżna ra wkoll reżiljenza f’setturi oħra bħall-manifattura, wholesale retail, it-turiżmu u l-kostruzzjoni.
Qal kif għalhekk, għall-għaxar snin li ġejjin fuq pedament ta’ ħames pilastri strateġiċi, il-gvern qed iwitti t-triq biex jibni futur ekonomiku sostenibbli u reżiljenti li jirriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar.
Minn hawn ’il quddiem, ser ikompli l-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ mexxejja fl-industriji, entitatijiet governattivi, soċjetà ċivili, għaqdiet mhux governattivi u l-pubbliku inġenerali.
Kull min irid jgħaddi l-kummenti jista’ jidħol fuq is-sit https://economicvision.mimcol.com.mt/ jew permezz tal-email, vision@mimcol.com.