Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, l-imsieħba soċjali kellhom l-opportunità li jżuru l-Università ta’ Malta fejn ġie spjegat lilhom xogħol li jsir relatat mar-riċerka u l-innovazzjoni.
L-Università ta’ Malta għandha mal-ħames mitt student li qed jaħdmu f’dan ir-rigward.
Fiċ-Ċentru għall-Intrapriżi u l-Inkubatur għan-Negozji, l-imsieħba segwew ħidma ta’ studenti gradwati f’livell ta’ Masters u PhD fl-iżvilupp ta’ tekonoloġiji ġodda. Fid-Dipartiment tal-Metallurġija, raw ix-xogħol li jsir fil-laboratorji b’tagħmir speċjalizzat għal kumpaniji kbar lokali u anke internazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq kif il-Gvern hu impenjat li jkompli jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni, bħala muturi ekonomiċi ewlenin, li joħolqu ġid mhux biss finanzjarju, imma wkoll xogħol ta’ valur miżjud.