Sens wieħed t’appoġġ qawwi u fiduċja fl-awtoritajiet u l-Gvern, li ħabbar miżuri biex pajjiżna jkompli jrażżan l-imxija.
Dan kien il-messaġġ komuni li tawna l-imsieħba soċjali li jirrappreżentaw ħaddiema u negozji minn kull qasam tas-soċjetà.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja stqarr li mal-miżuri tas-saħħa, il-Gvern kellu miżuri oħrajn lesti, li kompla jestendihom biex in-nies jibqgħu jirċievu l-paga u dħul adegwat għall-familji.
Qal kif, “L-għajnuna li qed jagħti lill-postijiet tax-xogħol qed tgħin u ssalva l-impjiegi. Li kieku ma kienx hemm aħna li kontinwament niltaqgħu ma’ min iħaddem, kieku ma kienx hemm Covid Wage Supplement, kieku bħalissa qed nesperjenzaw tkeċċijiet kbar fuq il-postijiet tax-xogħol.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u s-Sidien tar-Ristoranti, Tony Zahra tenna kif il-programm tat-tilqim huwa importanti għal diversi negozji li tirrappreżenta l-MHRA u saħaq kif Malta qamet għall-okkażjoni u qabdet ritmu tajjeb ferm biex tlaqqam kemm jista’ jkun nies.
Huwa spjega kif l-MHRA tinsab ottimista ferm għall-futur, speċjalment wara l-aħbar tal-estensjoni tal-Covid Wage Supplement.
Spjega, “Nista’ ngħidlek li kieku ma kienx il-Wage Supplement kien ikollna diżastru ekonomiku komplet. Il-Wage Supplement kien dak li żamm u li qed iżomm ħafna negozji għaddejin. Mingħajru nista’ ngħidlek li jkollna ħafna negozji li għalqu.”
L-Assoċjazzjoni tal-Catering laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ġodda li ħabbar il-Gvern l-Erbgħa.
Fi stqarrija l-Assoċjazjoni spjegat kif fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti, il-Prim Ministru għal darb’oħra ħabbar miżuri li huma neċessarji f’dan il-mument.
Qal, “Ovvjament il-Wage Supplement kif semmejt l-ewwel kienet importanti biex nippreservaw l-impjegati tagħna, waqt li element ieħor importanti ħafna kien il-moratorja li semmiet il-Ministru wkoll fuq il-loans tal-banek biex nissalvagwardjaw in-negozji tagħna biex kemm jista’ jkun malajr noħorġu minn dis-sitwazzjoni. Nemmen li l-miżuri tal-bieraħ kienu addattati, għandna s-sajf viċin u jekk jinżlu l-każi f’qasir żmien jerġgħu ikunu miftuħin.”
Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem għamlet appell imqanqal biex ilkoll nosservaw il-miżuri biex in-negozji li jqallgħu l-ħobża ta’ kuljum lil tant familji jibqgħu reżiljenti u jgħaddu minn żmien ta’ sfida li ġie fid-dinja kollha.
Qal kif, “Fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbiltà ta’ kull individwu li anke bħalissa qed jara din it-trażmizzjoni, hija essenzjali. B’hekk biss nistgħu noħorġu minnha l-pandemija. Jistgħu jittieħdu l-aħjar miżuri li wieħed jista’ jimmaġina. Jekk aħna fuq livell personali se naġixxu b’mod irresponsabbli, il-pandemija se tibqa’ magħna.”