L-imsieħba soċjali ddiskutew mal-Gvern il-proposti tagħhom għal baġit tal-elfejn u tmintax.
F’laqgħa mal-MCESD, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna saħaq li l-Gvern u l-imsieħba soċjali qegħdin fuq l-istess linja, u dan fid-dawl tal-klima ekonomika pożittiva li għandu pajjiżna.
Min-naħa tagħhom l-imsieħba soċjali lkoll jaqblu li hemm bżonn li jkollna viżjoni li nħarsu fit-tul.
Ftit inqas minn xahar qabel il-Budget, il-Gvern kompla bil-konsultazzjoni tiegħu, din id-darba mal-Imsieħba Soċjali li fi preżentazzjoni li ddiskutew il-proposti tagħhom għal budget.
Hekk kif ħareġ mil-laqgħa mal-Imsieħba soċjali, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ta reazzjoni pożittiva għal li sema’ mingħand l-imsieħba soċjali. Spjega kif dawn qed jirrikonoxxu li l-miżuri li daħħal il-Gvern qabel qed iħallu l-frott u jridu li dawn jissaħħu. Il-Ministru Scicluna saħaq li l-Gvern għandu mandat elettorali fuq numru ta’ miżuri li issa jibdew deħlin f’budget wara l-ieħor li se jressaq.
Fil-kummenti ġenerali tal-imsieħba soċjali spikka s-sens ta’ ħerqa li issa jaraw uħud mill-proposti tagħhom fil-budget għall-elfejn u tmintax.
Fuq kollox tkellmu f’kuntest fejn pajjiżna għandu klima ekonomika pożittiva u għalhekk issa jeħtieġ li nħarsu lejn viżjoni aktar fit-tul.
Intant fil-bidu tal-laqgħa mal-Imsieħba soċjali tkellmu l-Ministru Helena Dalli saħqet fuq l-importanti tal-konsultazzjoni u li l-vuċi tal-imsieħba soċjali tiġi mgħarrbla sew mill-Gvern sabiex ikollna miżuri li verament jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies.
Magħha ngħaqad is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia li spjega kif fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali qed jara konverġenza bejn il-viżjoni li għandu l-Gvern u dik li għandhom l-imsieħba soċjali.