Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista huwa soċjalment progressiv ħafna.
Qal dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja f’kummenti ma’ ONE News jiem wara li ġiet approvat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Ma’ dan l-istazzjon, Bugeja qal kif dan il-manifest elettorali, b’elf proposta, se jwieżen lil dawk l-aktar vulnerabbli u nnota kif dan il-pjan għal ħames snin li ġej huwa wieħed costed.
Qal, “Huwa manifest li huwa soċjalment progressiv ħafna. Jiġifieri qiegħed iwieżen lil dawk l-aktar vulnerabbli. Qed iqajjem issues li bħala soċjetà għandna aħna niddiskutewhom biex naraw. Imma huwa pjan sħiħ ħolestiku, li jwassal għal ħames snin li ġejjin u inti meta għandek organizazzjoni u l-Gvern huwa organizazzjoni, bħal ma jagħmlu l-familji jaraw kif se jqassmu l-affarijiet u jippjanaw x’ser jagħmlu u ma jagħmlux. Il-Gvern qed jgħidlek isma jien f’dawn il-ħames li ġejjin għandi dawn l-elf proposta, dawn li ħa nagħmel u ħa jiswew €3.3 biljun. Mela l-affarijiet nafuhom u qed jgħidlhek ukoll li mhux se jżid taxxi. Allura l-Partit Laburista qed jgħid, jekk jien ningħata l-fiduċja dawn huma l-affarijiet li ħa nagħmel u niddikjarahom minn quddiem.”
Fost il-proposti tal-Partit Laburista f’dan il-manifest Josef Bugeja nnota kif Gvern Laburista ġdid se jkun qed jaħdem sabiex iżid il-pagi tal-ħaddiema.
Qal, “Il-prinċipju tal-equal pay for job of equal value, li qed jgħid li se tiddaħħal, anki ssir diskussjoni biex jiddaħħal fil-privat. Ovvjamemnt meta naraw il-ħaddiema, aħna naraw il-ħaddiem b’mod ħolistiku, allura jinteressana l-ambjent, fejn ħa nibdew ngħixu għax inti jekk għandek soċjetà li trid timxi ‘l quddiem ma tistax tħalli affarijiet jew gruppi żgħar, li jkunu żgħar ħafna imma li ħadd ma jagħti kashom.”
Tkellimna wkoll mal-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela li semma kif dan il-manifest elettorali jista’ jwassal għal tkabbir ekonomiku kif imbassar mill-Kummissjoni Ewropea u anki ta’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra.
Qal, “Naħseb bil-proposti li hemm fuq il-mejda tal-Partit Laburista nisperaw li l-ekonomija terġa’ taqbad ir-ritmu li kienet qabel il-pandemija u dan jawgura tajjeb, jekk il-Partit Laburista jerġa’ jiġi kkonfermat fil-Gvern u aħna lesti li nikkoperaw sabiex it-tkabbir tal-ekonomija jkunu parti mis-suċċess ta’ dan it-tkabbir.”
Paul Abela qal magħna kif il-manifest elettorali tal-Partit Laburista jinkludi fih proposti li għamlet il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, hekk kif iż-żewġ naħat kellhom diskussjonijiet.
Fost dawn hemm it-tnaqqis tat-taxxa fuq in-negozji minn ħamsa u tletin fil-mija għal ħamsa u għoxrin fil-mija.