L-Imsida tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena mit-twaqqif tal-parroċċa tal-Imsida. Dan billi bdew is-sena bit-tqaddis tal-quddiesa li kienet immexxija minn Mons J Galea Curmi, il-Vigarju Ġenerali fil-Knisja Parrokkjali San Ġużepp.
Permezz ta’ din il-quddiesa bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju fejn inxtegħelet il-Luċerna li se tibqa’ fuq l-artal matul is-sena.
Kien fl-1835 meta l-Isqof F.S. Caruana ħatar l-Imsida viċi-parroċċa, dan sar fuq rakkomandazzjoni bil-miktub tal-Prepostu ta’ Birkirkara, Dun Ġużepp Debono.
Billi l-popolazzjoni tal-Imsida bdiet tikber, kienet inħasset il-ħtieġa li l-Imsida tinqata’ minn Birkirkara u ssir parroċċa awtonoma.
F’Marzu tal-1866, l-Isqof Fra Gaetano Pace Forno kien kiteb Ruma sabiex il-Kongregazzjoni tal-Konċilju taħtar lill-Imsida parroċċa. Il-parroċċa tal-Imsida twaqqfet nhar it-2 ta’ Marzu tal-1867 fejn l-Isqof Pace Forno OSA ħareġ l-editt biex jinqara fil-knejjes kollha ta’ Malta. Il-Q.T. l-Papa Piju IX laqa’ t-talba tal-Isqof ta’ Malta u bl-Ittri Apostoliċi tat-13 ta’ Novembru 1866 awtorizza l-qtugħ minn B’Kara u tgħaqqad magħha lil Tal-Pietà billi tifridha mill-Furjana. Bħala l-ewwel kappillan inħatar Dun Salv Caruana li kien il-Viċi Parroku tal-istess Imsida; hu ħa l-pussess l-għada, it-3 ta’ Marzu 1867. L-ewwel parroċċa kienet il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, illum magħrufa bħala l-Knisja ż-żgħira, fi Triq il-Wied, l-Imsida.
Fl-4 t’April tal-1886 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali l-ġdida tal-Imsida li hija l-ewwel parroċċa f’Malta u f’Għawdex iddedikata lill-Patronċinju ta’ San Ġużepp.
L-Isqof Pietru Pace ħareġ id-digriet biex isir it-trasferiment tal-privileġġi, drittijiet u piżijiet mill-knisja tal-Kunċizzjoni għall-knisja l-ġdida ta’ San Ġużepp fil-25 t’April tal-1891 u l-knisja l-ġdida kienet imbierka nhar il-Ħadd 23 ta’ Mejju tal-1891 mill-Vigarju Ġenerali bħala delegat speċjali tal-Isqof Pietru Pace.