Attività unika u sinonima ma’ żmien il-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex hi dik ta’ ‘L-Imsallab Fi Triqatna’, fejn numru ta’ persunaġġi jirrakkontaw il-ġrajja tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu tul it-toroq tar-Rabat Għawdex.
Kull ma jmur, dan id-dramm dejjem qed jikber u jiġbed aktar nies lejh, b’din is-sena hi waħda importanti għal dan l-avveniment hekk kif qed jiċċelebra l-25 sena minn meta beda jsir.
Tkellimna ma’ Jamie Camilleri mill-Għaqda Dilettanti Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex, li spjega magħna r-rotta għal din is-sena.
“Din is-sena żidna żewġ stages ġodda, jiġifieri fuq 15-il stage madwar it-toroq tar-Rabat. Titlaq minn fejn l-Oratorju Don Bosco, Pjazza Santu Wistin, iddur fit-toroq tal-madwar, tinżel fi Triq ir-Repubblika, tibqa’ tiela’ għal Triq is-Sur, fejn hemmhekk jintlaħaq il-qofol tad-dramm.”
Jamie Cammileri, Għaqda Diletantit Gimġħa l-Kbira
Id-dramm tal-passjoni fit-toroq tar-Rabat, Għawdex, se jsir is-Sibt 12 ta’ April mis-7:30 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Sadanittant, fil-Kunvent ta’ Santu Wistin, l-Għaqda Għawdxija qed ittella’ wkoll il-wirja ‘Ħtija Tiegħi’, li għandha għaddejja sa Ħadd il-Għid.