Wara l-Pontifikal Solenni f’Jum it-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema, mijiet ta’ nies ħonqu l-pjazez fis-seba’ lokalijtajiet madwar Malta u Għawdex għall-marċ tradizzjonali ta’ filgħodu.
Dan il-marċ popolari mal-festi kollha, ilu ma jsir sentejn u l-parruċċani t-Tnejn filgħodu ħarġu bi ħġarhom biex ftit sigħat qabel ma l-vara ta’ Santa Marija tterraq mat-toroq, dawn jiċċelebraw b’mod brijuż mal-banda.
Crew ta’ ONE News kien preżenti għall-marċ tal-Imqabba, fejn dominanti kien hemm il-kulur aħmar.
Hawnhekk tkellimna ma’ bosta dilettanti tal-festa li qalulna kif din is-sena ħadu r-ruħ.
Oħrajn qalulna li kienu inkwetati li x-xita li għamlet fil-jiem li għaddew kienet se tħarbtilhom dak li ilhom jippreparaw għalih.
L-Imqabbin li l-Ħadd filgħaxija paxxew lil kulħadd bi spettaklu ta’ nar tal-ajru mill-isbaħ li għalih attendew eluf ta’ nies, it-Tnejn filgħodu tellgħu xow tal-karti fil-pjazza prinċipali.