Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti pparteċipa f’laqgħa informali tal-Ministri Ewropej responsabbli mir-riċerka fi Praga, fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-kollaborazzjoni tar-Renju Unit mal-programm ta’ riċerka Horizon Europe.
Malta tqis lir-Renju Unit bħala sieħeb ewlieni għar-riċerka. Fil-fatt, riċerkaturi Maltin kellhom bosta kollaborazzjonijiet produttivi ma’ riċerkaturi fir-Renju Unit permezz ta’ programmi tal-Unjoni Ewropea f’dan is-settur.
Waqt id-diskussjonijiet, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti enfasizza li d-dewmien fl-aċċess tar-Renju Unit fil-programm Horizon Europe wassal entitajiet ta’ riċerka bbażati fl-istess pajjiż sabiex ikunu esklużi mill-ewwel qafas ta’ ħidma tal-programm Horizon Europe.
Għaldaqstant, Malta tħares ’il quddiem għal din il-kollaborazzjoni mar-Renju Unit li tista’ titqies bħala l-ftuħ ewlieni biex jitwessgħu l-fondi għall-programm ta’ ħidma u għat-tisħiħ fl-involviment ta’ wħud mill-aqwa universitajiet tad-dinja fil-qasam xjentifiku.