Id-diskussjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiema hija importanti sabiex ikun hemm l-aħjar ambjent possibbli fuq il-post tax-xogħol.
Dan qalu l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr Denis Vella Baldacchino, waqt konferenza organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ fil-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali.
Huwa nnota li, fi stħarriġ li sar f’pajjiżna, ħareġ li 63% tal-ħaddiema qalu li jesperjenzaw kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, fosthom bi stress u ansjetà.
Dr Vella Baldacchino qal ukoll li s-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis fl-għadd dawk li jidħlu fl-Isptar Monte Karmeli, għax il-kura qed tingħata aktar fil-komunita milli fl-istituzzjonijiet.
Waqt din il-konferenza tkellmet ukoll Dr Natasha Azzopardi mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li qalet li huwa ta sodisfazzjon li s-suġġett tas-saħħa mentali jinsab fuq nett tal-aġenda, minkejja l-isfidi internazzjonali bil-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija.
Hija appellat biex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiem u anki biex isiru attivitajiet informali bejn il-kollegi biex ikun hemm pożittivita bejniethom.
Hija appellat li kull min għandu bżonn l-għajnuna biex jitkellem mal-professjonisti.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, qalet li s-saħħa mentali tal-ħaddiema hija importanti għax taffettwa l-ħaddiema u x-xogħol tagħhom.
Qalet li sfida li qed iġġib l-istress magħha hija dik li, fil-postijiet tax-xogħol, mhux qed jinstabu biżżejjed biex biex jaħdmu f’kull settur u dan qed iwassal għal pressjoni fuq il-ħaddiema.