Il-laqgħa tal-MED 9, li se tlaqqa’ flimkien id-disa’ mexxejja tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea llum fil-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt u anke fl-Imdina, hi importanti anke fl-isfond tal-isfidi internazzjonali, bla preċedent, li għaddejjin bħalissa fil-kontinent Ewropew minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna li ġabet magħha kriżi fis-settur tal-enerġija u l-inflazzjoni.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Lorenzo Vella, qal li dak li jiġri fir-reġjun tal-Mediterran jolqot ukoll lill-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali.
Qal “Dan hu importanti ħafna, għax, minbarra l-fatt li se jkun hemm din il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat, kien hemm diġà laqgħat oħrajn f’livell ministerjali fuq diversi suġġetti, li huma ta’ interess, kemm għal dawn id-disa’ pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran, però wkoll għall-Kummissjoni Ewropea. Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jiġri fil-Mediterran se jkollu riperkussjonijiet fuq l-Unjoni Ewropea inġenerali.”
Hawnhekk hu semma temi li jaffettwaw lill-pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran, b’dan is-Summit ikun forum importanti għall-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif dan is-Summit bejn dawn id-disa’ mexxejja Ewropej qed isir ftit ġimgħat qabel ma l-mexxejja Ewropej jiltaqgħu għal Summit tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell – fl-20 u fil-21 ta’ Ottubru li ġej.
Qal “Nistgħu nsemmu l-immigrazzjoni, nistgħu nsemmu l-enerġija, pereżempju. Il-ħtiġijiet enerġetiċi tal-Mediterran żġur huma differenti mill-ħtiġijiet enerġetiċi tan-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Fil-Mediterran insibu numru ta’ gżejjer li jaffettwaw b’mod differenti, it-topografija ta’ kif ikollok aċċess tas-servizzi, pereżempju. Jiġifieri l-Unjoni Ewropea, fosthom il-Kummissjoni Ewropea, tisma’ b’importanza kbira d-diskussjonijiet li jkun hemm f’dan il-livell, f’kuntest reġjonali wkoll, għax dan jgħin biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu f’dan is-Summit jew f’dawn id-diskussjonijiet Ministerjali jkollhom riflessjoni, għada pitgħada, fil-politika tal-Unjoni Ewropea b’mod inġenerali.”
Lorenzo Vella semma wkoll kif fil-preparamenti għal din il-laqgħa tal-lum, matul din is-sena, f’pajjiżna saru laqgħat Ministerjali dwar suġġetti importanti għar-reġjun u anke għall-Unjoni Ewropea.