F’rapport ippubblikat mill-International Labour Organisation (ILO) f’ Novembru tal-2023 jingħad li kull sena, madwar id-dinja kollha jitilfu ħajjithom 3 miljun ħaddiem. 2.6 miljun minn dawn l-imwiet huma attribwiti għall-mard relatat max-xogħol, waqt li 330,000 huma attribwiti għal inċidenti fatali. Qal dan il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Jesmond Marshall.
Marshall spjega kif kull ħaddiem għandu d-dritt li jaħdem f’ambjent fejn is-saħħa fiżika u mentali tiegħu ma jkunux fil-periklu. Huwa fl-interess ta’min iħaddem li joffri ambjent kemm jista’ jkun bla periklu għaliex meta l-impjegati jħossuhom siguri fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jistgħu jiffokaw aktar fuq dak li qegħdin jagħmlu mingħajr ma jinkwetaw dwar perikli jew riskji li jeżistu madwarhom.
Qal kif kull min iħaddem, irid ukoll iżomm quddiem għajnejh li kull inċident iwassal għal telf ta’ produttività li jħalli impatt fuq il-qliegħ tal-kumpanija. Tenna li kull min iħaddem għandu jiżgura li jkun hemm risk assessments u spezzjonijiet regolari biex jiġu identifikati perikli. Għandu jiġi żgurat li kull tagħmir jinżamm sew, isir taħriġ adegwat u regolari lill-impjegati dwar prattiċi ta’ xogħol bla periklu, kif ukoll implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ emerġenza f’każ t’ aċċidenti jew inċidenti.
Marshall qal li l-impjegati iridu wkoll jagħmlu l-biċċa tagħhom: dan jagħmluh billi ma jiħdux riskji żejda, jirrappurtaw mill-ewwel kwalunkwe tħassib jew periklu li jiltaqgħu miegħu, kif ukoll jipprovdu suġġerimenti għal titjib.
“Huwa importanti li kull ħaddiem jifhem li l-użu tal-ilbies protettiv, skomdu kemm ikun skomdu qiegħed hemm biex jissalvagwardja lill-istess ħaddiem,” spjega Marshall.
L-istqarrija tgħid kif trid ukoll tinħoloq aktar kuxjenza dwar mard relatat max-xogħol, pereżempju fejn ikun hemm espożizzjoni għal kimiċi jew xogħol repetittiv li jista’ jkollu konsegwenzi severi fuq is-saħħa tal-impjegati.
Marshall temm billi qal, “nemmen li b’iktar attenzjoni u għarfien dwar ħarsien tar-regoli tas-saħħa u sigurtà f’ postijiet tax-xogħol, ħafna minn dawn l-inċidenti jistgħu jkunu evitati.”