Tagħrif miġbur mill-Environment, Social, and Governance (ESG) Portal ta’ Malta juri li kumpaniji Maltin li qed jinvestu fi kriterji ambjentali, soċjali u tal-governanza – magħrufa bħala ESC – irreġistraw tnaqqis ta’ 31 fil-mija fil-konsum tal-ilma, tnaqqis ta’ 9 fil-mija fil-ġenerazzjoni tal-ilma u tnaqqis ta’ 8 fil-mija fl-emissjonijiet tad-diossidju tal-karbonju.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, waqt diskors li kellha fil-konferenza ‘Climate Resilient Tourism in the Mediterranean’ waqt il-COP27, f’Sharm El Sheikh, l-Eġittu.
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, flimkien ma’ Global Water Partnership – Mediterranean u l-Unjoni għall-Mediterran, ospitaw din il-konferenza bl-appoġġ tal-Ambaxxatriċi għall-Azzjoni tal-Klima, il-Professur Simone Borg.
F’din il-konferenza, il-kelliema ppreżentaw soluzzjonijiet biex jgħinu lis-settur privat, b’mod partikolari s-settur turistiku, biex ikun aktar reżiljenti u sostenibbli b’enfasi fuq ir-rabta bejn l-enerġija u l-ilma.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li s-settur privat, inkluż is-settur tat-turiżmu, għandu l-potenzjal li jkompli jiżviluppa biex isir aktar ambjentalment u ekonomikament sostenibbli. Dan għax is-settur tan-negozju huwa sieħeb importanti fil-bidla, sal-2050, lejn ekonomija li ma tniġġisx.
Il-Ministru Dalli rrimarkat ukoll li, għalhekk, il-Gvern qed jappoġġja lin-negozji biex isiru aktar ambjentalment sostenibbli. Bl-istess mod, emfasizzat li rridu nkomplu nikkontribwixxu fir-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li nħallu l-ideat innovattivi jikbru u jiffjorixxu.
Matul il-COP27, fejn qed jitlaqqgħu diversi pajjiżi biex tittieħed azzjoni biex jintlaħqu l-miri klimatiċi dinjija, il-Ministru Dalli kellha wkoll numru ta’ laqgħat bilaterali fosthom mal-Ministru tal-Petroleum u r-Riżorsi Minerali tal-Eġittu, Tarek el Molla, il-Ministru għall-Elettriku u l-Enerġija Rinnovabbli, Mohamed Shaker El-Markabi, u l-Ministru għar-Riżorsi tal-Ilma u l-Irrigazzjoni, Hani Sewilam, u mal-Ministru Awstraljan għat-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija, Chris Bowen.