Medja ta’ 60% tal-miżuri li tħabbru fit-tliet baġits li għaddew kienu proposti tal-manifest elettorali. Dan filwaqt li r-rata fuq l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ tiżboq is-66%.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, fejn ta’ rendikont dwar pataflun ta’ miżuri li saru f’dawn it-tliet snin.

Il-Ministru qassam dawn il-miżuri f’diversi kategoriji li huma dawn ta’ taħt:
IL-ĦADDIEMA U X-XOGĦOL
• L-inqas livelli ta’ qagħad fl-istorja.
• Reġgħet għoliet il-paga minima skont il-ftehim li kien maqbul.
• F’Jannar 2025, daħlet fis-seħħ il-liġi tal-equal pay for equal work fis-settur privat.
• L-urgent family leave ġie estiż għal 32 siegħa bl-ewwel 16-il siegħa jitnaqsu mill-leave personali u s-16 l-oħra mis-sick leave.
• Ġie ffirmat l-aqwa ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li minnu se jgawdu 33,000 ħaddiem permezz ta’ żidiet sostanzjali fil-pagi u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet. Dan il-ftehim jagħti żidiet apparti dawk li diġà ngħataw ħaddiema tas-Servizz Pubbliku fuq livell settorjali.
• Skatta l-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-Work Regulation Orders li ser isir f’fażijiet.
• Ġew irregolarizzati t-temping agencies.
• It-tnedija tal-politika migratorja ekonomika.
B’RISQ IL-ĦADDIEMA U L-FAMILJI TAGĦHOM
• L-iskema ‘Stabbiltà’ fejn intlaħaq ftehim ma’ numru ta’ ħwienet u għadd ta’ importaturi tal-ikel biex iraħħsu l-prezz ta’ diversi prodotti tal-ikel bażiku.
• Għat-tielet sena, aktar minn 100,000 familja ibbenifikat mill-mekkaniżmu addizzjonali għall-COLA b’għotja li tlaħħaq bejn €100 u €1,500 fis-sena.
• Tnediet l-inizjattiva ‘Żomm, Tarmix’ b’għanijiet favur il-ġustizzja soċjali u kontra l-ħela tal-ikel.
• L-ikbar tax cut fl-istorja (€140 miljun); aktar mid-doppju ta’ dak li wegħidna.
• Għal sena oħra, ‘l fuq minn 250,000 irċevew it-tax refund.
• Għat-tieni sena konsekuttiva, ċ-children’s allowance ser jiżdied b’€250 oħra għal kull wild irrespettivament mid-dħul tal-familja. Fitlett snin, il-Gvern mhux biss wettaq il-wegħda tiegħu imma qassam €140 aktar minn dak li kien imwiegħed.
• Tneħħiet it-taxxa tal-VAT minn fuq prodotti sanitarji.
• Il-bonus għat-twelid tela’ għal €1,500 fil-każ tat-tielet wild.
• Ġiet estiża l-iskema Sensability biex tingħata għajnuna lil min ikollhu bżonn jarma sensory room
B’RISQ L-ANZJANI TAGĦNA
• L-anzjani li għandom ‘l fuq minn 75 sena u li jirċievu l-għajnuna supplimentarja huma awtomatikament eliġibbli għall-mediċini b’xejn fuq il-formolarju tal-Gvern.
• Il-pensjonanti rċivew żieda oħra ta’ €8 fil-ġimgħa jew €416 fis-sena, li tinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (€5.24 fil-ġimgħa). Iż-żieda fil-ġimgħa fil-penzjoni (li teskludi l-COLA) bejn l-2023 sal-2025 kienet ta’ €7.55.
• Matul l-2024, is-servizz CommCare wettaq madwar 1.3 miljun intervent, b’medja ta’ kważi 5,000 persuna kull xahar li ibbenifikaw minn dan is-servizz essenzjali. L-interventi jinkludu kura ġenerali, trattamenti mediċi jew kirurġiċi, injezzjonijiet, kura għad-dijabete, u servizzi ta’ flebotomija.
• Għaddej investiment fl-Isptar St. Vincent de Paul u xogħol ieħor fid-dar tal-anzjani fil-Mosta, l-Imtarfa u ż-Żejtun.
B’RISQ IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U S-SISTEMA EDUKATTIVA
• Ġie ffirmat l-aqwa ftehim għall-edukaturi bejn il-Gvern u l-MUT.
• Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet imġedda b’investiment ta’ aktar minn €10 miljun.
• Tqassam it-tieni pagament ta’ €1,000 lill-first-time buyers (b’kollox dawn ser jirċievu €10,000 fuq medda ta’ 10 snin).
• Id-dħul finanzjarju tal-familja sabiex student ikun eliġibbli għall-għajnuna supplimentarjatelgħat għal €15,000.
• Aktar minn 1,200 student li jsegwu wieħed mis-46 kors prescribed fl-Università ta’ Malta jew fl-MCAST bdew jirċievu żieda fl-istipendju tagħhom fejn f’ċertu każijiet tlaħħaq it-€380 fix-xahar.
• L-iskejjel Primarji fl-Imsida u r-Rabat, Għawdex fetħu l-bibien tagħhom.
• Ġie inawgurat Ċentru ta’ Servizzi għat-Tfal, Adolexxenti u Żgħażagħ fir-Rabat, Għawdex. F’dan iċ-ċentru jiġu offruti numru ta’ servizzi mit-Taqsima ta’ CDAU u CYPS.
AMBJENT AĦJAR GĦALL-ĦADDIEMA U L-FAMILJI
• Sal-aħħar tal-2024, Project Green lestiet 16-il proġett ta’ spazju miftuħ u xogħlijiet fuq 10 widien, b’nefqa ta’ €2.5m fuq 51,000m2. Matul l-2025, Project Green qed tippjana li tlesti 19-il proġett (11 minnhom taħt il-Community Greening Grant, Bengħajsa Phase 2, community garden fil-Qrendi, William Harding Garden f’Pembroke, ix-Xewkija, ECO Garden u fuq l-art tal-Gvern f’Ħal Luqa, Ħal Lija, San Ġiljan u Ħal Kirkop), b’nefqa ta’ €20 miljun fuq medda ta’ art ta’ 120,000m2.
• Ġew identifikati numru ta’ artijiet tal-Gvern, fosthom f’Ta’ Giorni, f’Ħal-Kirkop, l-Iklin, Ħal Lija, Ħal-Luqa u l-Mellieħa biex minflok jiġu żviluppati jsiru spazji miftuħa.
• Il-ġnien fuq il-Glaċiż ġie inawgurat.
• Imħabbra 14-il proġett fi rħula madwar Malta bħala parti mill-inizjattiva Vjal Kulħadd. Dawn il-proġetti qed isiru b’investiment ta’ €10 miljun u se jwasslu għal għadd ta’ spazji pubbliċi ġodda f’numru ta’ lokalitajiet mifruxa madwar pajjiżna.
• Tnieda pakkett ta’ inċentivi intiżi biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku u jippromwovu kultura li ma tiddependiex biss mill-użu tal-karozza privata.
L-ENERĠIJA
• Il-Gvern baqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija b’nefqa ta’ €930 miljun.
• Investiment qawwi fit-tiġdid tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku
• L-Italja tat l-approvazzjoni tagħha biex jiġi żviluppat it-tieni interconnector ma’ pajjiżna.
• Ġew estiżi l-iskemi għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda.
RIFORMI
• Daħlet fis-seħħ il-liġi fejn ser jiħrax id-detterent fil-konfront ta’ min jaggredixxi lill-Membri tal-Korp tal-Pulizija.
• Ir-riforma ‘Nagħtu t-Tieni Ċans’ għaddiet mill-istadju ta’ Kumitat. Din ir-riforma ser tfisser (i) ċans ieħor lil dawk li ħallsu għal għemilhom u issa jixtiequ jintegraw lura fis-soċjetà u (ii) stampa aktar ċara permezz ta’ ċertifikat supplimentari li juri x’għamel il-persuna sabiex jirrabilita ruħu waqt li kien qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija. Filwaqt li l-Fedina Penali u ċ-Ċertifikat tal-Kondotta ser jibqgħu validi.
• Qed issir l-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet li daħlu waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma għall-Qorti tal-Familja.
• Issokta x-xogħol fuq ir-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni.
• Bdew ħerġin il-liċenzji tal-bennejja u l-kuntratturi wara li daħlu fis-seħħ l-emendi legali għall-liċenzjar tagħhom.
• Bi ftehim mal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), il-Kamra tal-Periti (KTP) se tkun l-imsieħba prinċipali li tabbozza l-Kodiċi tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
• Ġie ippubblikat l-abbozz tal-Politika Nazzjonali għat-Tfal 2024 – 2030.
• Ġiet imnedija strateġija nazzjonali kontra l-faqar u favur l-inklużjoni soċjali għall-10 snin li ġejjin. Liema strateġija hija ibbażata fuq 165 rakkomandazzjoni.
B’RISQ IL-KOMUNITAJIET TAGĦNA
• F’Mejju 2024 ġiet inawgurata Żona għall-Kunċerti fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali. Dan wassal biex post li qabel kien fabbrika tal-konkrit u post abbandunat li spiċċa jintuża għal rimi illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni nbidel f’park rikreattiv.
• Tlesta x-xogħol fuq il-Pjazza Mitrovic fl-Isla, Pjazza Arċisqof Gonzi u x-Xatt tal-Kalkara.
• Ġie inawgurat l-Ispazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja ta’ Malta – MICAS.
• Inxtraw 12-il sede ta’ Każini tal-Baned filwaqt li 3 oħra jinstabu fi stadju ta’ diskussjoni
• .Hekk kif tibda dieħla l-kera minn dawn is-sede, parti mid-dħul ser imur biex il-Gvern jissussidja l-interessi ta’ sede oħra li xtraw il-proprjeta’ tagħhom.
• Ġie mniedi s-Screen Support Scheme, skema mmirata speċifikament biex issaħħaħ l-industrija indiġena tal-films u tal-iscreen f’Malta. Għal din is-sena, l-iskema se tara żieda fil-fondi, fejn it-total ta’ fondi allokati tela’ għal €2 miljun.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li din il-ħidma hija mhux biss xhieda tal-impenn tal-Gvern imma qed isservi wkoll bħala xhieda tal-impenn li bih dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem fiż-żmien li ġej.
“Naħseb il-poplu qed jara kif dan huwa Gvern li jwiegħed u jimplimenta dak li jwiegħed u li l-impenn tiegħu li jibqa’ jagħti l-aħjar lill-poplu tagħna qiegħed hemm mhux biss għax inwettqu dak li wegħdna imma li nżidu r-rankatura tagħna biex nibqgħu nagħtu aħjar ħalli l-familji, iż-żgħażagħ, it-tfal, l-anzjani, il-poplu kollu jkollu opportunità ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar, f’pajjiż li jkollu ekonomija dejjem tikber u l-ħolqien tax-xogħol ma jieqafx.”