Il-Membru Parlamentari Ewropew, Alfred Sant, talab lill-istituzzjonijiet Ewropej li huma involuti fin-negozjati dwar il-BREXIT, biex ikunu ċari kemm jistgħu lejn iċ-ċittadini Ewropej dwar l-isfidi u l-problemi li n-negozjaturi tal-BREXIT se jkunu qed jindirizzaw.
“Huwa importanti ħafna li tinbeda d-diskussjoni dwar l-arranġamenti interni qabel ma n-negozjati tal-BREXIT ikunu finalizzati, l-aktar fil-qasam tal-implikazzjoniijiet finanzjarji għall-UE.”
Dr Sant indirizza l-Plenarja tal-Parlament Ewropew waqt li r-rappreżentanti tal-Presidenzi tal-UE fil-Kunsill Ewropew ippreżentaw is-suġġetti ewlenin li se jkunu diskussi fil-Kunsill Ewropew bejn l-20 u l-21 ta’ Ottubru u li jinkludu l-immigrazzjoni, il-kummerċ u r-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja.
Il-parti l-kbira tal-Ewroparlamentari li indirizzaw il-laqgħa wkoll enfasizzaw li l-BREXIT huwa suġġett importanti u li għandu jkun indirizzat mill-kapijiet tal-istati membri.
Dr Sant qal li wieħed jaċċetta li l-Unjoni ma għandhiex waħedha jew b’kuntatti informali mar-Renju Unit, tibda tanalizza għażliet differenti għan-negozjati tal-BREXIT qabel jibdew. L-istess ma għandux jgħodd għall-arranġamenti interni tal-UE ġaladarba l-BREXIT ikun se jispiċċa. Dan huwa rilevanti ħafna dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni mingħajr ir-Renju Unit.
“Id-dħul tal-Unjoni se jsofri min-nuqqas sostanzjali meta r-Renju Unit ma jibqax jikkontribwixxi. X’se jkunu l-implikazzjonijiet ta’ dan għall-proġetti Ewropej attwali u tal-futur? Kemm se jiġi jiswa dan in-nuqqas mil-lat purament ta’ kontabilita`? U mil-lat operazzjonali? Dan id-defiċit kif se nagħmlu tajjeb għalih?” staqsa Dr Sant.
Dawn il-mistoqsijiet bla ebda mod ma jippreġudikaw negozjati futuri tal-BREXIT. Jirrelataw għall-għażliet disponibbli għall-organizzazzjoni interna tal-UE wara l-BREXIT. Informazzjoni ħażina dwarhom tista’ tikkontribwixxi għall-inċertezza, l-istess kif qed tikkontribwixxi l-istennija biex jibdew n-negozjati tal-BREXIT. Jekk il-Kummissjoni u/jew il-Kunsill jipprovdu pubblikament sfond dettaljat tal-problemi u l-isfidi f’dan il-qasam, ikunu qed jgħinu biex inaqqsu l-inċertezza, qal Dr Sant.