L-impjiegi rreġistrati bħala full-time u part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom żdiedu b’sebgħa punt sitta fil-mija u tlieta punt disgħa fil-mija, b’mod rispettiv. Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ibbażat fuq tagħrif amministrattiv mogħti minn Jobsplus sa Ġunju li għadda.
F’numri tanġibbli, l-impjiegi rreġistrati bħala full-time fuq tnax-il xahar żdiedu b’dsatax-il elf, mija u ħamsa u sittin għal total ta’ mitejn, tnejn u sebgħin, mija u tmenin impjieg.
Fl-istess waqt il-qgħad full-time naqas b’disgħa u sebgħin.
L-aktar żewġ setturi, li rreġistraw tkabbir fl-impjiegi full-time, kienu dawk tas-servizzi amministrattivi u dawk tal-akkomodazzjoni u tal-ikel.
Il-maġġoranza assoluta taż-żieda fl-impjiegi kien fis-settur privat bi ftit aktar minn dsatax-il elf, filwaqt li kienu biss wieħed u tmenin impjieg ġdid fis-Settur Pubbliku jew 0.4 fil-mija.
Il-persuni rreġistrati bħala li jaħdmu għal rashom żdiedu b’sebgħa mija, tlieta u erbgħin meta mqabbel ma’ sena qabel.
Meta wieħed jara ż-żieda fl-impjiegi abbażi tal-ġeneru, id-differenza hi waħda negliġibbli, hekk kif il-ħaddiema rġiel f’impjieg full-time żdiedu b’sebgħa punt tmienja fil-mija u dawk nisa b’sebgħa punt tlieta fil-mija mis-sena ta’ qabel.
L-impjiegi rreġistrati bħala part-time żdiedu b’sebgħa punt wieħed fil-mija f’temp ta’ sena. L-akbar żidiet kienu fis-setturi professjonali, xjentifiċi u tekniċi u s-settur tat-trasport u l-ħażna.
Dawk li għandhom impjieg part-time, bħala x-xogħol ewlieni tagħhom, irreġistraw tkabbir ta’ tlieta punt disgħa fil-mija, għal total ta’ tlieta u erbgħin elf u tlieta u għoxrin persuna.
Żieda notevoli ta’ għaxra fil-mija ġiet irreġistrata f’dawk li kellhom impjieg part-time u ieħor full-time. Dawn laħqu total ta’ erbgħin elf, ħames mija, disgħa u disgħin persuna.