F’Jannar 2017 żdiedu kemm l-impjiegi full-time kif ukoll part-time.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li mill-informazzjoni amministrattiva ta’ Jobsplus jirriżulta li bejn Jannar 2016 u Jannar tal-2017 il-ħaddiema b’impjiegi full-time żdiedu b’5.8% u l-ħaddiema li għandhom impjieg part-time biss żdiedu b’5.7%.
Iċ-ċifri juru li fi żmien sena l-ħaddiema żdiedu b’4.6%, biex illum għandna 188,452 ħaddiem. Dan huwa riżultat ta’ żieda wara l-oħra fin-numru ta’ ħaddiema b’impjieg full-time u t-tnaqqis fil-qgħad.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li l-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’9,275 filwaqt li l-impjiegi mal-Gvern żdiedu b’858. Kien hemm ukoll żieda ta’ 713 persuna li bdew jaħdmu għal rashom.
L-istatistika turi wkoll li f’Jannar kienn hemm madwar 34,676 ħaddiem li kellhom impjieg part-time biss filwaqt li 24,460 persuna oħra kellhom impjieg full-time apparti dak part-time.