Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, l-impjiegi fis-settur tal-gaming żdiedu b’aktar minn 200 u issa qabżu s-7,000 impjieg full-time.
Dan joħroġ mir-rapport tal-Awtorità Maltija għal-Logħob li jagħti ħarsa lejn l-andament ta’ dan is-settur fl-ewwel nofs tas-sena.
Ir-rapport tal-Awtorità juri wkoll li aktar minn 6,000 ruħ jaħdmu fis-settur tal-gaming onlajn filwaqt li 869 jaħdmu fis-settur lokali.
B’reazzjoni għal dawn ir-riżultati sbieħ, is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri qal li dan li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, dan is-settur iġġenera €780 miljun f’termini ta’ valur miżjud gross fl-ekonomija Maltija.
Dan ifisser li s-settur tal-logħob huwa llum responsabbli għal 14% tal-ekonomija Maltija.
Huwa attribwixxa din iż-żueda għal bosta miżuri u inizijattivi li ttieħdu fl-aħħar snin.
L-Onor. Schembri sostna: “L-indutrija tal-gaming illum il-ġurnata hija kważi 14% jiġifieri dan huwa persentaġġ kbir però aħna rridu naraw li mhux sempliċiment nitfgħu kollox f’basket wieħed. Irridu nkomplu niddiversifikaw.”
Ir-rapport tal-awtorità juri wkoll li l-awtorità kellha dħul ta’ €40 miljun li tħallsu f’taxxi fil-kaxxa ta’ Malta.
Dan kien possibbili bis-saħħa ta’ żieda fil-kumpaniji liċenzjati mill-awtorità. Fil-fatt sal-aħħar ta’ Ġunju il-kumpaniji tal-gaming b’liċenzja kienu jgħoddu 283.
Dan filwaqt li fl-istess perjodu 29 kumpanija minn 50 ingħatatilhom il-liċenzja.
Is-Segretarju Parlamentari Schembri qal li l-fatt li 22 kumpanija ma ngħatatilhomx il-liċenzja turi s-serjetà u proċess ta’ verifika serju li qed issir fil-proċess ta’ liċenzjar ta’ dawn il-kumpaniji.
Qal li dawn waslu wara inizjattivi u tibdil kbir fosthom fil-liġi tal-gaming.
Is-Segretarju Parlamentari Schembri temm jgħid: “L-ewwel raġuni prinċipali huwa minħabba l-fatt li daħħalna liġi ġdida din is-sena fejn hemmhekk biddilna l-liġi kollha ta’ din l-industrija. Però wkoll għall-fatt li aħna konnha innovattivi u daħħalna wkoll tista’ tgħid branches ġodda ta’ din l-industrija fosthom fejn jidħol eżempju s-settur tal-crypto currencies u blockchain.”