Bejn l-2017 u l-2023 l-impjiegi fil-gżira Għawdxija żdiedu b’madwar 5,000.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, f’konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda pjattaforma elettronika ġdida, investgozo.gov.mt, li se tkun qed tagħti informazzjoni siewja rigward investiment, xogħol u studju f’Għawdex.
Minbarra hekk, il-pjattaforma se jkollha wkoll informazzjoni fuq l-inċentivi li wieħed jista’ japplika għalihom.
Il-Ministru Camilleri nieda wkoll seba’ skemi li jkomplu jsostnu lin-negozji f’Għawdex u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex. Dawn l-iskemi jmorru id f’id mal-miżuri li qed jittieħdu biex jiġu implimentati kemm il-wegħdi elettorali kif ukoll l-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex.
Kien hawn li l-Ministru spjega kif, filwaqt li fl-2017 kien hemm 11,512-il persuna li jaħdmu f’Għawdex, fl-2023 din iċ-ċifra telgħet għal 16,410.
Sadanittant, min-naħa tiegħu, id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku, Ronald Sultana, spjega li InvestGozo għandha l-għan primarju li tippromwovi lil Għawdex f’diversi fora relattivi u fl-istess waqt tippromwovi d-diversi inċentivi li l-Ministeru jkun qed jamministra.
Sultana spjega kif, apparti s-sit elettroniku investgozo.gov.mt, tniedew seba’ skemi favur in-negozji.
Qal, “Kellna t-tnedija ta’ seba’ skemi ta’ inċentivi biex inkomplu nsostnu aktar lin-negozji f’Għawdex u l-ħolqien tal-impjiegi. Kellna wħud mill-iskemi li ġew estiżi mis-snin tal-passat, però kellna wkoll skemi ġodda li issa se jkunu qegħdin jissostitwixxu oħrajn ħalli nkomplu fil-fażi li jmiss, dik li nkomplu nimmiraw għal aktar impjiegi ta’ kwalità, stabbli u sostenibbli fil-gżira Għawdxija.”
Filwaqt li l-Ministru Camilleri temm billi rringrazzja lid-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru li ħadem fuq dawn l-inċentivi, sostna li din il-ħidma qed tkompli twassal biex il-qgħad f’Għawdex ikun wieħed baxx immens.
Qal, “Kellna skemi li huma ffokati biex jinħolqu impjiegi f’Għawdex, illum il-ġurnata nafu li l-unemployment f’Għawdex hu wieħed baxx immens u għaldaqstant qed nibdlu l-focus tagħna issa f’impjiegi ta’ kwalità.”
Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur is-sit elettroniku investgozo.gov.mt, kif ukoll isegwi l-paġna InvestGozo fuq il-midja soċjali.