Fil-ftuħ tas-‘Silver Economy Forum’, is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis sostna li l-Politika Strateġika għall-Anzjanità Attiva titkellem favur li anzjani jibqgħu attivi permezz tal-impjieg tagħhom, għaliex dan għandu benefiċċji kemm għall-anzjani nfushom, kif ukoll għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
“L-għan ta’ dan il-forum huwa li nkomplu nippromwovu l-anzjanità attiva, li jiġi diskuss l-irwol attiv li jista’ jkollhom l-anzjani tagħna għall-benefiċċju tal-ekonomija ta’ pajjiżna, u li nsibu aktar soluzzjonijiet sabiex ningaġġaw aktar anzjani fis-suq tax-xogħol”, stqarr is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis.
Huwa tkellem dwar kif iż-żamma ta’ ħaddiema anzjani wara li jilħqu l-età tal-pensjoni, hija parti mis-soluzzjoni għad-domanda ta’ ħaddiema li qiegħed iġib miegħu t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.
Is-Sur Clyde Caruana, Chairperson tal-Jobsplus, spjega li r-rata ta’ mpjieg ta’ persuni li għandhom ‘il fuq minn 61 sena qiegħda dejjem tiżdied. Minkejja dan, fl-2017, minn popolazzjoni ta’ aktar minn 80,000 anzjan f’pajjiżna, kellna biss madwar 15,000 anzjan li qiegħed jaħdem.
Fil-kummenti tiegħu, Marvin Formosa, Kap tad-Dipartiment tal-Gerontoloġija u l-Istudji tad-Dimensja fi ħdan l-Università ta’ Malta spjega li sabiex aktar anzjani jibqgħu attivi permezz tal-impjieg, irridu nindirizzaw preġudizzji dwar il-kapaċitajiet tal-anzjani u r-resistenza kulturali mill-individwi li jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Apparti f’hekk, hemm bżonn li nkomplu nippromwovu s-saħħa fiżika u ntejbu l-ħiliet teknoloġiċi tal-anzjani.
Waqt dan il-forum ġew diskussi ideat li jitrattaw inizjattivi biex jiżdied in-numru ta’ ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol Malti, l-ostakli li jiltaqgħu magħhom l-anzjani biex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol, u sfidi li jiltaqa’ magħhom min iħaddem.
Is-Silver Economy Forum inkluda diskussjoni bejn rappreżentanti tal-General Workers’ Union, il-UĦM Voice of the Workers, u l-Malta Employers’ Association, kif ukoll preżentazzjonijiet mill-Prof. Klaske N. Veth, u Dr Theo Koning mill-Università tax-Xjenza Applikata f’Hanze, fl-Olanda, li faħħru l-inizjattiva tas-segretarjat parlamentari li qiegħed jagħti prijorità għal din id-diskussjoni.