Mhux se jkun ittollerat abbuż f’dawn iż-żminijiet kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-ħaddiema stess.
Sostna dan il-Ministru Carmelo Abela fl-istess jum li bdew jiftħu mill-ġdid l-istabbilimenti kummerċjali u ħwienet oħra.
Abela fakkar li min iħaddem irid iżomm mal-patt soċjali li sar fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-MCESD u jagħmlu l-isforzi li mill-fondi tagħhom jagħtu l-kumplament tas-salarju wara t-€800 li l-Gvern qiegħed ikopri f’dan iż-żmien.
Il-Ministru qal li wara diskussjonijiet mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u għall-Impjiegi huwa kien infurmat li kien hemm xi ħaddiema li ma ridux jidħlu għax-xogħol wara li l-ħanut li jaħdmu fih reġa’ ingħata l-permess li jiftaħ.
Il-Ministru Abela sostna: “Jekk min iħaddimhom iddeċieda li jiftaħ, għax l-awtorità tas-saħħa taw dan il-permess, naturalment ma jistgħux jieħdu l-liġi b’idejhom bħal ma min iħaddem ma jistax jieħu l-liġi b’idejh. Allura importanti li jekk issa ngħataw il-possibilità li jidħlu għax-xogħol, u ġew imsejħa biex imorru għax-xogħol b’mod ġenerali ħadd ma jista’ jieħu l-liġi b’idejh jew jagħmel ħaġa oħra.”
Il-Ministru Abela stqarr ukoll li wara li tgħaddi l-pandemija l-kundizzjonijiet tax-xogħol iridu jirritornaw għal dawk li kienu qabel ma faqqgħet l-imxija. Saħaq li l-Gvern se jkompli jistinka biex tkun indirizzata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi u li jiddaħħal il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur kullimkien.
Huwa qal li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, f’dan iż-żmien qed jagħmel sforzi kbar fosthom f’rispons ta’ eluf ta’ emails u telefonati.
Qal li fiż-żmien li ġej se jissaħħaħ dan id-dipartiment.
“Għandna bżonn iktar staff biex inħarsu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol”, kompla jgħid il-Ministru Carmelo Abela.