L-impjant antik tal-ħażna tal-fjuwil f’Birżebbuġa, tneħħa uffiċjalment mil-lista ta’ siti meqjusa bħala perikolużi u suxxettibbli għal aċċidenti maġġuri.
Fil-fatt, dan l-impjant kien jissemma fil-lista ta’ siti taħt ir-regolamenti li jirreferu għall-hekk imsejħa ‘Control of Major Accident Hazards’.
Dan l-iżvilupp isegwi xhur ta’ ħidma mill-kumpanija Enemed, li llum il-ġurnata qed topera mill-impjant il-ġdid f’Ħas-Saptan, wara li l-Enemed mexxiet il-fjuwil kollu li kienet taħżen fl-impjant 31 ta’ Marzu, għal ġot-tankijiet taħt l-art f’Ħas-Saptan.
B’hekk ingħata bidu għal proċess biex it-tankijiet jitbattlu u jitnaddfu.
Wara dan il-proċess, grupp t’esperti li spezzjonaw l-impjant, ikkonfermaw li jista’ jitneħħa minn fuq il-lista ta’ siti suxxettibli għal aċċidenti maġġuri u għaldaqstant ma jistax jopera aktar għall-ħażna tal-fjuwils.
Issa li l-Enemed lestiet minn kull użu li kellha relatat ma’ dan l-impjant, is-sit għadda lura lill-Enemalta biex tkun tista’ tibda l-proċess tal-iżmantellar.
Bħalissa l-Enemalta għaddejja bil-proċess tal-applikazzjoni tal-ippjanar biex ikun jista’ jinħareġ il-permess meħtieġ għax-xogħlijiet tat-tneħħija tat-tankijiet.
Wara li l-Enemalta tlesti x-xogħlijiet tagħha relatati mal-impjant, Project Green tkun tista’ ttellaq il-preparamenti għar-riġenerazzjoni tal-Pont tax-Shell, li se jkun jista’ jerġa’ jintuża min-nies.
Bħala parti minn dan il-proġett se tinbena wkoll struttura ġdida li sservi wkoll bħala żona pedonali, filwaqt li se jingħata lura l-aċċess għall-baħar u jinbena taraġ aktar aċċessibbli u sigur għall-għawwiema.