“It-tfal jibqgħu parti importanti tas-soċjetà tagħna u dejjem indispensabbli li nsibu soluzzjonijiet biex jikbru f’ċittadini responsabbli. Hu dmir ta’ kull gvern li jiżgura li ċ-ċittadini kollha jkunu inklużi, attivi u impenjati.” Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta dalgħodu inawgurat il-laqgħa plenarja dwar “Teknoloġija u Robotika b’appoġġ għal-Logħob tat-Tfal b’Diżabilità”, organiżżata mill-għaqda dinjija LUDI, fl-Università l-qadima fil-belt Valletta.
L-okkażjoni ġabet flimkien delegati barranin mill-organizzazzjoni LUDI, li tiġbor fiha xjenzati u riċerkaturi minn madwar id-dinja fil-qasam tat-teknoloġija assistiva u robotika meħtieġa għal tfal b’diżabilità.
Caruana żiedet tgħid li d-diżabilità hija kumplessa u fiha bosta dimensjonijiet, u l-laqgħa tal-lum tfakkarna li kemm bħala Gvern, kif ukoll bħala dawk li jipprovdu s-servizzi, irridu nsibu soluzzjonijiet differenti għal sitwazzjonijiet differenti. Hija żiedet tgħid li dan il-Gvern jappoġġja l-isforzi biex jiddaħħlu metodi robotiċi fil-ħajja biex jgħinu individwi f’diżabilitajiet u jtaffu l-piż tax-xogħol għall-carers.
“Il-viżjoni aħħarija tagħna hija li ngħinu dawn il-persuni jiksbu indipendenza bla ma jkollhom bżonn l-oħrajn. Intom se tgħinu lil dawn il-persuni jużaw it-teknoloġija b’kunfidenza fil-ħajja ta’ kuljum, u mhux biss jiddubbaw imma jimxu ‘l quddiem,” qalet Caruana. Irridu naħdmu ħafna biex niżguraw li l-logħob ikolli rwol ċentrali fil-pjanijiet ta’ kura tal-professjonisti, kemm kliniċi, kif ukoll edukattivi u soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari Caruana fissret l-impenn tal-Gvern u r-riżutati miksuba fis-settur, fosthom politika u strateġija nazzjonali, programm kbir ta’ liġijiet ġodda, proġetti kontinwi u l-ħolqien ta’ Kummissarju għad-drittijiet ta’ dawn il-persuni. Hija għalqet id-diskors tagħha billi tenniet l-impenn tas-Segretarjat Parlamentari li tmexxi li jibqa’ sinkronizzat mal-leħen tat-tfal ukoll biex niżguraw li nifhmu sew b’liema mod nixtiequ li jiżviluppaw il-komunitajiet tagħna.