Fuq firxa ta’ 5 snin, il-pagi tal-għalliema f’pajjiżna żdiedu b’aktar minn €6,000 għal dawk li jkunu għadhom kif gradwaw, filwaqt li għal dawk li ilhom iktar minn għoxrin sena jgħallmu żdiedu b’9,000.
Juru dan ċifri li kiseb ONE News mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u li jixhdu l-importanza li l-Gvern qed jagħti lill-għalliema.
Dan huwa l-każ anke frott ta’ ftehim kollettiv li ġie ffirmat fl-2017 u li assigura li jiġu mtejba d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-għalliema f’pajjiżna.
Dwar dan, One News tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Servizzi Edukattivi, Emile Vassallo.
Qal, “Għalliem li għadu jibda, jiġifieri li għadu jiggradwa u daħal l-ewwel sena, fil-fatt, jekk tara d-differenza kemm kien jieħu paga miegħu fl-2017 u kemm qed jieħu llum, hemm differenza ta’ €6,000 – jiġifieri fuq firxa ta’ 5 snin żdied €6,000. Id-differenza hija ikbar għall-għalliema li ilhom fil-professjoni, jiġifieri dak il-ftehim settorjali daħħal ukoll allowance speċjali għal għalliema li ilhom 20 sena jew aktar, u dawk l-għalliema fil-fatt raw titjib fil-pakkett finanzjarju tagħhom ta’ iktar minn €9,000.”
Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn l-2017, għalliem li kien għadu kif jiggradwa mill-Università kien jaqla’ b’kollox ftit aktar minn €20,000.
Madankollu, issa, fl-2022, għalliem fl-istess skala jaqla ’l fuq minn €26,000 – differenza ta’ aktar minn €6,300.
Min-naħa l-oħra, għalliema li jkunu ilhom aktar minn 20 sena jgħallmu bejn dan l-istess perjodu raw żieda ta’ aktar minn €9,000.
Fil-fatt, filwaqt li fl-2017 dawn l-għalliema kienu jaqilgħu aktar minn €26,000 fis-sena, fl-2022 qed jaqilgħu aktar minn €35,325.
Is-Sur Vassallo spjega wkoll li dan it-titjib fil-kundizzjonijiet għall-għalliema jagħmel tajjeb għax-xogħol impenjattiv li għandhom: xogħol li jmur lil hinn mill-klassijiet tal-iskola għax anke wara li l-istudenti jmorru d-dar, l-għalliema jibqgħu jippreparaw għal-lezzjonijiet li jkollhom filwaqt li jikkoreġu l-materjal tal-istudenti, fost l-oħrajn.
Is-Sur Vassallo tkellem ukoll dwar ir-rata ta’ kull għalliem għal-numru ta’ studenti fil-klassijiet.
Qal, “Jekk nieħdu average fl-iskejjel sekondarji, in-numru ta’ studenti fil-klassi jvarja bejn 18 u 24. Ir-ratio jonqos għax inti għandek iktar għalliema ta’ suġġetti differenti, pereżempju. Aħna, jekk fis-sekondarja għandek 40 lezzjoni għall-istudenti fil-ġimgħa, kull għalliem jgħallem 24 lezzjoni, l-iktar.”
Filwaqt li assigura li hawn biżżejjed għalliema għall-istudenti fl-iskejjel tal-Gvern, Emile Vassallo sostna l-importanza tal-għalliema peripatetiċi, li jagħmlu tajjeb ukoll għal numru ta’ lezzjonijiet li għandhom l-istudenti Maltin.
Qal, “Jekk kieku kellna nħarsu b’mod rough għan-numru, jekk għandna elf klassi primarja fl-iskejjel primarji kollha ta’ Malta u Għawdex, għandek madwar, viċin il-500 għalliem paripatetiku, barra l-1,000 għalliem tal-klassi li għandna. Allura, ovvjament, hemmhekk jolqot ir-ratio ta’ kemm għandek studenti għal kull għalliem.”