Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar standards soċjali regolatorji għal servizzi ta’ kura għal anzjani b’kundizzjonijiet kroniċi u b’dipendenza għolja.
Dan id-dokument jikkonsisti f’sitt prinċipji li jistabbilixxu dak li l-anzjani u l-familji għandhom jistennew mis-servizz, kif ukoll il-livell ta’ kura li l-professjonisti għandhom joffru lill-anzjani.

Fost l-oħrajn sar aċċenn dwar id-drittijiet tar-residenti u t-teħid tad-deċiżjonjiet, pjan personali ta’ appoġġ, il-kura tas-saħħa, soċjali u anki dik personali tal-anzjani residenti fid-djar għall-anzjani.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tnedija ta’ din il-konsultazzjoni għal dawn l-istandards regolatorji is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis qal li dan huwa l-ewwel sett ta’ standards li ġew stabbiliti fis-settur tal-anzjani.
Huwa spjega kif dan il-Gvern qed jagħti direzzjoni ċara wara li diġa ta l-importanza xierqa lill-anzjani permezz ta’ żidiet fil-pensjonijiet u investimenti li sarf’diversi residenzi għall-anzjani.

Is-Segretarju Parlamentari, Agius Decelis stqarr li “Min qed jagħti s-servizz ikun jaf x’servizz irid joffri u min se jmur hemmek għas-servizz ikun jaf x’servizz irid jistenna mingħandhom.”
Il-pubbliku huwa mistieden li jagħti r-reazzjoni tiegħu billi jibgħat il-proposti fuq feedback.scsa@gov.mt .