Waqt laqgħa mal-Ministri tal-Enerġija tal-MED9 f’Ċipru, l-impenn biex il-Mediterran isir ċentru ta’ enerġija nadifa, kif indikat minn Malta fl-aħħar żmien, ġie affermat mill-ġdid f’dikjarazzjoni konġunta.
Il-laqgħa ta’ din is-sena iffokat fuq l-avvanz ta’ inizjattivi favur enerġija nadifa li jkopru r-reġjun Mediterranju.
Din l-idea għal kollaborazzjoni fi proġetti b’rabta mal-enerġija nadifa kienet tressqet, għall-ewwel darba, mill-Prim Ministru Malti Robert Abela s-sena li għaddiet.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, preżenti għall-MED9, stqarret li l-Mediterran hu reġjun kruċjali għal din it-tranżizzjoni fl-Ewropa.
F’dan ir-rigward, Malta diġà qed tagħmel avvanzi importanti fl-infrastruttura tal-enerġija, fosthom it-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet u l-kapaċità ta’ enerġija rinnovabbli.
Semmiet, fost l-oħrajn, il-proġett tat-tieni interconnector li se jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija ta’ pajjiżna, anke biż-żieda fid-domanda, u l-pass lejn l-enerġija rinnovabbli offshore, inkluż bi proġetti ta’ enerġija mir-riħ, waqt li l-Gvern qed jagħmel bosta studji biex iniedi l-ewwel proġett ta’ dan it-tip fil-Mediterran.
Il-Ministru Dalli qalet li dak li bdiet Malta s-sena l-oħra qed iħalli l-frott hekk kif il-viżjoni tagħha biex il-Mediterran issir ċentru ta’ enerġija nadifa u rinnovabbli qed issir aktar reali b’appoġġ ikkordinat mill-Unjoni Ewropea.