Ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, jindikaw li, matul ix-xahar ta’ April, l-impatt tal-iskema ‘Stabbiltà’ minn Frar li għadda kompla jirranka iżjed. Dan hekk kif ir-rata tal-inflazzjoni nazzjonali issa naqset għal 1.6%, li hu nofs ir-rata osservata fl-ewwel xahar ta’ din is-sena.
Ir-rata tal-inflazzjoni x-xahar li għadda kienet l-inqas waħda li ġiet osservata minn Ġunju tal-2021. Iżda minbarra hekk ir-rata issa naqset taħt il-medja ta’ 1.9%, li kienet irreġistrata mindu nbidel il-Gvern f’Marzu tal-2013.
Fattur ewlieni wara dan l-iżvilupp kien l-andament tal-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel.
Kif kien osservat bejn Ottubru u Jannar, il-prezzijiet tal-ikel kienu qabdu jirrankaw ’il fuq, bil-maqlub ta’ dak li kien qed iseħħ fil-bqija tal-Ewropa. Dan wassal biex l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel lokali kienet żdiedet minn 6.8% f’Ottubru għal 9.1% f’Jannar.
Wara d-deċiżjoni tal-Gvern, li jdaħħal l-iskema ‘Stabbiltà’ mill-bidu ta’ Frar bi qbil mal-importaturi u l-ħwienet, it-tendenza fil-prezzijiet tal-ikel inbidlet ta’ taħt fuq. U, minn dakinhar stess, ir-rata tal-inflazzjoni fl-oġġetti tal-ikel waqgħet għal 5.5%.
F’Marzu din naqset għal 5.1%, biex f’April reġa’ kien hemm tnaqqis għal 4.5%. Dan ifisser li, fi spazju ta’ tliet xhur, ir-rata tal-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel naqset b’aktar min-nofs u issa hi qrib il-medja osservata minn Marzu tal-2013 lil hawn. Ir-rata ta’ inflazzjoni, fejn jidħlu l-prezzijiet tal-ikel, issa hi anqas mill-medja osservata taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista bejn l-2008 u l-2013.
Mindu daħlet fis-seħħ l-iskema ‘Stabbiltà’, l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel wera tnaqqis ta’ kważi 2%, tant li, bħala medja, il-prezzijiet reġgħu marru għal kif kienu f’Novembru li għadda.
Dwar dan, ikkummenta wkoll il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali.
Dan hu riżultat ferm sinifikanti meta wieħed iqis li l-iskema tkopri biss 450 prodott. Filfatt jidher li anke prezzijiet ta’ prodotti li mhumiex fl-iskema spiċċaw tnaqqsu biex jibqgħu kompetittivi mqabblin ma’ dawk taħt l-iskema.
Bi ‘Stabbiltà’, il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel l-aktar essenzjali se jibqgħu fissi mraħħsin almenu sal-baġit li jmiss f’Ottubru li ġej. Għalhekk hu mistenni li r-rata tal-inflazzjoni tkompli tonqos fix-xhur li ġejjin.