Minkejja li n-negozju fis-settur tas-sajd jista’ jidher li għadu għaddej bħal ma kien, fil-verità, ir-realtà mhux neċessarjament hekk kif tidher. Din il-pandemija qiedgħa taffettwa bis-sħiħ il-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet relevanti, u għaldaqstant dan kien is-suġġett ewlieni diskuss waqt high-level video conference mill-ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Unjoni Ewropea.
Il-konferenza, li kienet ospitata mill-Presidenza Kroata, iddiskutiet għadd ta’ kwistjonijiet u azzjonijiet li għandhom jittieħdu fiċ-ċirkostanzi li tinsab għaddejja minnhom l-Ewropa, inkluż proposta għal emendi tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex ikun jista’ jiġi appoġġjat is-sajjied, b’mod speċjali s-sajd fuq skala żgħira bħal kif insibu fil-maġġoranza fost is-sajjieda Maltin.
Flotot tas-sajd fuq skala żgħira bħal dawk li jinsabu f’Malta se jkunu l-aktar affettwati minn din is-sitwazzjoni. Filwaqt li l-ebda rapporti uffiċjali għadhom ma kwantifikaw l-impatt ekonomiku ta’ din l-imxija, l-għeluq tar-ristoranti u stabbilimenti simili diġà bdew iħallu riperkussjonijiet sinifikanti. Sabiex jiġi ssalvagwardjat l-għixien ta’ dawn is-sajjieda, Malta temmen li l-European Corona Response Investment Initiative huwa biss inizjattiva inizjali sabiex itaffi l-impatt ekonomiku minn din il-pandemija, u li fil-futur qrib ser ikun hemm il-bżonn ta’ aktar interventi sabiex jgħinu f’din il-kriżi.
Dan b’mod partikolari fejn ir-riżorsi taħt il-programm ta’ għajnuna 2014-2020 diġà ġew eżawriti, bħal fil-każ ta’ Malta. F’każ ta’ impatt akbar, Malta qiegħda tipproponi l-possibbiltà t’għajnuna finanzjarja biex tikkumpensa lis-sajjieda u lill-operaturi abbażi tal-bejgħ u tal-qliegħ f’dan l-istess perjodu diffiċli.
Permezz ta’ sforz kollettiv Ewropew, Malta u pajjiżi oħra Ewropej jistgħu jegħlbu din is-sitwazzjoni mingħajr preċedent, u jkomplu jiggarantixxu l-produzzjoni u s-sigurtà tal-provvisti tal-ikel, filwaqt li jissalvagwardjaw l-impjiegi.
Sadanittant, it-Temporary Framework on State introdott mill-Kummissjoni Ewropea għandu jgħin sabiex is-settur agrikolu jingħata aktar għajnuna f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Malta għaddejja wkoll minn staġun ta’ nixfa kbira u din l-għajnuna għandha tkompli ukoll ittaffi mill-piż li bħalissa qiegħed jintrefa’ mill-bdiewa.
Matul l-istess laqgħa, tqajjem it-tħassib dejjem jikber dwar is-settur tat-tonn u s-sitwazzjonijiet li qedgħin isibu ma’ wiċċhom is-sajjieda u l-operaturi tal-farms tat-tonn, li ukoll qegħdin isibu diffikultà f’dawn il-mumenti.
Fl-istess laqgħa diġitali, pajjiżna laqa’ l-proposta li jkunu posposti l-iskadenzi relatati mal-kontroll u ‘l hekk imsejħa Single Application, filwaqt li jkun hemm tnaqqis fl-obbligi ta’ stħarriġ li għandu jsir mill-awtoritajiet fuq dawk li jiffurmaw dawn is-setturi.