Kull ma jmur l-effetti negattivi tal-pandemija fl-Italja qed jinħassu mhux biss fuq is-saħħa iżda wkoll fuq l-edukazzjoni. Dan hekk kif l-iskejjel fl-Italja għamlu żmien twil magħluqin. Dan bl-effett dirett li ammont kbir ta’ studenti ntilfu għal kollox mis-sistema edukattiva. Dan hekk kif bosta studenti saħansitra waqfu jidħlu għal-lezzjonijiet online.
Is-sit ‘La Repubblica’ ippubblikat ittra miftuħa mingħand għalliema tal-istorja f’istituzzjoni tal-edukazzjoni post-sekondarja f’Ruma. Fl-ittra tagħha hija talbet skuża lill-istudenti għaliex fi kliemha ma ġġilditx għalihom b’kuraġġ sabiex l-iskejjel jibqgħu miftuħin. Hija talbet skuża wkoll għaliex fi kliemha ħasbu li d-distribuzzjoni ta’ apparat elettroniku sabiex l-istudenti jsegwu l-lezzjonijiet online seta’ jieħu post għal kollox it-tagħlim fil-klassi. Dan hekk kif qalet li dan sar mingħajr ma ngħatat attenzjoni għas-sitwazzjoni individwali ta’ kull student fosthom jekk joqgħodux f’dar li tippermettihom ikomplu l-istudji tagħhom.
Hija ttemm l-ittra tagħha billi talbet skuża għaliex fi kliemha qed jinsteraq il-preżent tal-istudenti filwaqt li fi kliemha saret ipoteka fuq il-futur tagħhom b’detriment għalihom.
ONE News tkellem mal-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli dwar id-differenza drastika fir-realtajiet tal-iskejjel Maltin u dawk Taljani. Hija rrimarkat li l-idea ta’ tfal jattendu l-lezzjonijiet kollha b’mod diġitali kienet waħda ta’ biża’ għall-futur akkademiku tal-istess tfal.
Qalet kif, “Aħna mill-bidu nett għidna li mportanti li t-tfal jattendu l-iskola b’mod fiżiku għaliex l-iskola hija komunità fiha nnifisha u t-tfal ma jitgħallmux biss mis-suġġetti imma jitgħallmu minn xulxin, kif iġibu ruħhom ma’ xulxin u anke mill-kunflitti li jinqala bejniethom u l-logħob ta’ bejniethom.”
Hija spjegat li jekk it-tagħlim ikun kompletament virtwali, ħafna aktar tfal jistgħu jiġu esposti għall-perikli tal-internet, realtà li diġa qiegħda tara żieda fl-istudenti madwar id-dinja.
Barra minn hekk, id-dipendenza fuq edukazzjoni virtwali tħalli impatt qawwi fuq l-istat mentali tat-tfal.
Spjegat li, “L-istat mentali tat-tfal minħabba din l-anzjetà u n-nuqqas ta’ taħlit u anke cyberbullying għax il-perikli li konna nitkellmu dwarhom qabel hemm baqgħu. Dawn kollha jaffetwaw is-saħħa mentali psikoloġika tat-tfal.”
Il-Kummissarju għat-Tfal appellat lill-ġenituri li jinsabu mħassba dwar l-attendenza ta’ wliedhom sabiex jibagħtuhom l-iskola. Dan għall-ġid ta’ wliedhom kif ukoll minħabba li l-iskejjel qiegħdin isegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.