Huma diversi l-attivitajiet ċentinarji li qed isiru fl-okkażjoni tal-1950 mill-Martirju ta’ San Pawl li huwa l-Patrun tal-Parroċċa Kolleġjata tar-Rabat u tad-Djoċesi Maltija. Ilbieraħ fid-9pm saret Son et Lumiere ‘Apostolo Gentium’ fil-Pjazza tal-Parroċċa tar-Rabat. Dan huwa rappreżentazzjoni b’mużika u proġettazzjoni ta` dwal fuq il-faċċata tal-Knisja.
Dalgħodu fit-tmienja ssir is-soltu translazzjoni mill-Arcisqof mill-Kattidral tal-Imdina għal Kolleġjata ta` San Pawl tar-Rabat. (Wara fil-Buskett tissokta l-wirja agrarja).
Fil-għaxija fl-okkażjoni tas-solennita` tal-1950 sena mill-Martirju ta` San Pawl wara li tintem il-quddiesa tat-tridu ser ikun hemm żewġ baned fir-Rabat: Il-Banda ta` Birżebbuġa bl-istatwa ta` San Pietru u l-Banda Konti Ruġġieru bl-istatwa ta` San Pawl fuq iż-żiemel mill-Parroċċa ta` San Pawl ta` Ħal-Safi. Din id-dimostrazzjoni festiva ser tilħaq il-qofol tagħha meta iż-żewġ baned jaslu l-pjazza.
Għada fid-9pm hekk kif il-marċ brijuż jasal f’ tarf Triq Santa Rita li hija t-triq ta’ quddiem il-Knisja ta` San Pawl ser ikun hemm spettaklu pirotekniku sinkronizzat mal-mużika u li huwa maħdum mill-membri tal-Kamra tan-Nar “San Pawl” tar-Rabat. Anness għandkom issibu r-ritratti tal-ispettaklu tas-sena l-oħra.
Is-Sibt l-attrazzjoni specjali ser tkun it-translazzjoni li ser toħroġ mill-Kattidral tal-Imdina immexxija mill-Arcisqof Emeritu Pawl Cremona u fiha ser jieħdu sehem bosta Frattellanzi minn Parroċċi dedikati lil San Pawl f’Malta u Għawdex.
Attrazzjoni li f’dawn l-aħħar snin qed tattira eluf ta` nies hija s-show kbir tal-isparar u baraxxijiet ta` karti sinkronizzati mal-mużika. Din issir il-Ħadd fil-għodu hekk kif il-marċ ta` fil-għodu jasal fil-pjazza għal ħabta tal-11.30am.
Dawn l-attivitajiet jagħqdu mal-bosta attivitajiet oħra li saru ricentament fejn fost l-oħrajn nhar il-Ħadd li għadda inġiebet l-istatwa titulari ta` San Pawl tal-Munxar fejn saret processjoni akkumpanjata mill-Banda KOnti Ruġġieru li daqqet innijiet Pawlini.
Dawn iċ-ċelebrazzjoni fetħu bil-kbir fid-9 ta` Frar ta` din is-sena bl-eżekuzzjoni ta` żewġ xogħolijiet pawlini ġodda: bil-Cantata L-10 ta` Frar 1928 kliem tal-Poeta Dun Karm Psaila u l-premiere dinji tal-Oratorju sagru “Fino ai confini della terra” ta` Monsinjur Marco Frisina li kien esegwit mill-orchestra filarmonika nazzjonali diretti minn Msgr Marco Frisina innifsu li nġieb Malta mill-Fondazzjoni Paulus li organizzat dan l-avveniment kbir.
Ritratt: John Farrugia