Dan huwa l-ħoss mużikali taż-żafżafa Maltija jew kif isejħulha l-Għawdin r-rabbaba. Il-grupp Xewki “Allegrija” żamm kumpanija lil dawk kollha preżenti għall-edizzjoni ta’din is-sena tal-Imnarja bi strumenti tradizzjonali Maltin bħall-ħabbata, l-akkordjin u ċ-ċekċika.
Il-Maltin u t-turisti rħewlha lejn il-Buskett fejn għad-dell li joffru s-siġar, ħafna trejqu u mlew żaqqhom b’ikel li wieħed isib b’mod speċjali f’din il-festa tradizzjonali Maltija.
Ma naqsux membri mill-Kooperativa Maltija tal-Mogħoż u n-nagħaġ li wkoll kienu qed idewqu minn dak li huma jibbrillaw fih.
Minbarra l-ġbejniet meqjusa tradizzjonali barra l-bojod u tal-bżar stajna ninnuttaw dawk b’togħmiet oħra bħal tal-felfel, tal-ħwawar tal-pizza, tal-ħxejjex aromatiċi, tat-tewm u l-bżar u oħrajn speċjali li jinżammu ġol-inbid aħmar.
Ma naqsux ukoll l-isfineġ tal-inċova, l-imqaret, il-qubbajd u l-qassatat oriġinali.
L-igwani wkoll sabu posthom fl-Imnarja ta’ dis-sena, bħall-falkun u l-kokka, din it-tiġieġa u dan is-serduk li nħasad imma ddandan quddiem il-kamera ta’ One News.
Il-ġmiel tal-frott u l-ħxejjex ċertament li laqtu l-għajn, bħal m’għamlu t-tjur u dawn il-fniek mhux komuni.
Il-kejla tal-kappar u l-imwieżen antiki qishom ħaduna lkoll lura fiż-żmien. Bħal din l-istasija, per eżempju, li fl-imgħoddi kienet tiżen il-prodotti fl-ixkejjer bħal patata u l-basal, u r-rumana, il-balla li kienu jmexxuha mal-linja skont il-kejl u dan il-famuż miżien ta’ dari, magħruf bħala tal-but.
Imma qabel tlaqna ma stajniex ma nittantawx xortina waqt il-fiera tradizzjonali forsi nirbħu xi bjankerija waqt l-Imnarja ta’ dis-sena, imma kif tistgħu tissoponu b’ idejna vojta morna u b’idejna vojta tlaqna.