Lumiria jew kif nafuha llum l-Imnarja hija l-eqdem festa f’Malta, il-festa tad-dawl għaliex lejliet u nhar l-Imnarja kienu jinxtgħelu ħġejjeġ u fjakkli fuq is-swar tal-Imdina bħala ċelebrazzjoni għall-festa ta’ San Pietru u San Pawl. L-Istoriku Mario Coleiro qalilna kif mill-festa ta’ San Pietru u San Pawl nibtet it-tradizzjoni tal-Imnarja kif nafuha llum.
“It-tradizzjoni li n-nies jitilgħu l-Buskett u l-intorni tar-Rabat minn ġurnata qabel ġejja mill-fatt li minħabba li l-purċissjoni kienet issir nhar l-Imnarja filgħodu u fl-antik il-mezzi tat-trasport ma kienux tajbin bħal lum kien u jaħsbu minn ġurnata qabel biex jaslu fl-inħawi tar-Rabat u minn filgħodu jkunu jistgħu jasssitu għall-purċissjoni li toħroġ mill-Kapitlu tal-Katidral. Allura f’dak il-lejl imgħad li kienu jkunu fl-inħawi tar-Rabat kienu jiċċelebraw permezz ta’ ikel, għana ġifieri dak kollu tradizzjonali Malti.
ONE news żar l-attivitajiet tal-Imnarja fil-Buskett fejn minkejja t-temperatura għolja, bosta nies irħewla lejn il-masġar biex jiċċelebraw il-festa tradizzjonali. Il-wiri tal-annimali attiraw l-iżjed it-tfal, b’boton fniek żgħar ġibed l-attenzjoni taċ-ċkejknin.
L-għana spikkat b’udjenza numeruża jsegwu l-botta u risposta umoristika bejn l-għannejja.
Filgħodu ingħataw ukoll diversi premijiet ppreżentati mill-President ta’ Malta, George Vella. Fl-indirizz tiegħu, il-President, qal li minkejja d-difikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa, huma xorta jtellgħu prodott agrikolu tajjeb u bnin.