Il-Ħamis li ġej se tkun qed tiġi ċċelebrata il-festa tradizzjonali tal-Imnarja. Festa li tibda tiġi ċċelebrata mill-Erbgħa filgħaxija.
Il-Festa tal-Imnarja tibda l-Erbgħa fis-sitta ta’ filgħaxija, b’parata minn mis-Saqqajja u minn hemm jibqgħu deħlin il-Buskett fejn jingħata bidu għall-Imnarja.
Il-familji Maltin se jgawdu atmosfera ta’ lejlet l-Imnarja fil-Buskett fejn se jkun hemm divertiment, wirja ta’ frott u ħaxix u artiġjanat Malti.
F’jum l-Imnarja se jkun hemm annimali, bħal baqar, nagħaġ, mogħoż, żwiemel, ħmir u klieb li se jkunu qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni tas-sbuħija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, tkellem dwar l-importanza ta’ din il-festa tradizzjonali u qal li se juża din il-festa biex jiltaqa’ mal-bdiewa u raħħala sabiex jitkellem magħhom dwar il-ħtiġijiet tas-settur.
L-attivitajiet huma organizzati mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali flimkien mat-taqsima Festi Rurali u s-Socjetà Agrarja.