L-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri huma u se jibqgħu prijorità tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-QEA).
Dan qalu l-Membru Malti, Leo Brincat, li kien responsabbli għall-verifiki ewlenin tal-Qorti dwar dan is-suġġett f’dawn l-aħħar snin. Huwa kien qed jitkellem f’isem il-QEA f’webinar li ġie organzizzat mill-istess Qorti fl-okkażjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, bis-suġġett ‘Il-prijoritajiet il-ġodda tal-istituzzjonijiet supremi tal-verifika fil-livell Ewropew u dak nazzjonali’.
Leo Brincat ħabbar li, filwaqt li kull rapport ippubblikat s’issa kellu rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jiġu inkorporati fil-Patt Ewropew tal-Migrazzjoni u l-Ażil la jiġi finalizzat, matul din is-sena l-QEA se tagħti bidu għal żewġ verifiki ġodda topiċi dwar dan il-qasam: dwar l-għeruq tal-migrazzjoni fl-Afrika u dwar ir-riżultati miksuba s’issa mill-faċilità għar-refuġjati fit-Turkija. Brincat qal li hi l-politika tal-QEA li tiffoka fuq suġġetti topiċi li huma wkoll prijoritajiet fejn tidħol il-nefqa tal-Baġit tal-UE.
Fi tmiem il-konferenza, Leo Brincat żar l-uffiċini ewlenin tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) flimkien mal-membri tal-Qorti, fuq stedina tal-Prosekutur Ewlieni Laura Codruta Kovesi. Hemmhekk iltaqa’ mal-uffiċjali ewlenin tal-UPPE, inkluż l-ewwel Prosekutur Ewropew għal Malta fi ħdan l-uffiċċju, Yvonne Farrugia.